Sport Sport Ieħor

Parteċipazzjoni f’Doorslammers għal Rosello Cassar u Paul Fenech

Intemmet l-avventura għas-sewwieqa Maltin Rosello Cassar u Paul Fenech f’Santa Pod fl-Ingilterra fl-avveniment Doorslammers. L-esperjenza għaż-żewġ sewwieqa kienet aktar ta’ suċċess għal Rosello Cassar.

Hu spiċċa mal-ewwel 16-il karozza mis-57 li kkompetew. Cassar ġie eliminat biss qabel il-kwarti tal-finali u wara li għadda mill-eliminazzjonijiet kollha u l-ewwel żewġ rawnds, tilef kontra Nic Williams b’differenza ta’ 0.08 ta’ sekonda. Nic Williams spiċċa rebbieħ tal-klassi.

Paul Fenech saq l-Escort ta’ Andy Harris u deher li kollox beda tajjeb għaliex irnexxielhom inaqsu l-ħin minn 10.7 sekondi għal 10.4 ta’ sekonda. Meta deher li kien kollox lest għall-ewwel eliminazzjoni, żviluppat ħsara teknika fis-sistema elettrika tal-karozza. Dan wassal biex Fenech kien eliminat minħabba li ma laħaqx ħareġ għat-tellieqa.

Il-karozza tal-Ingliż Andy Harris mistennija terġa’ tiġi lura Malta għat-tielet rawnd tal-kampjonat tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far.