Biċċiet tal-injam, mijiet ta’ tappijiet tal-plastik kif ukoll xbiek tas-sajd u saħansitra krakar tal-baħar kienu fost l-ammont kbir ta’ skart li nġabar waqt attività ta’ tindif fil-Bajja t’Għajn Tuta (Paradise Bay).
L-attività kienet organizzata mill-kumpanija Betclic Group u kienet tinvolvi wkoll lill-għaqdiet ambjentali Żibel, No to Plastic Malta kif ukoll l-attivist ambjentali Raniero Borg.
Sfortunatament, iż-żona li tnaddfet hi magħrufa għall-ammont ta’ skart li jinġabar fiha. Dan anke minħabba li l-mewġ ikaxkar ammont kbir ta’ kull tip ta’ skart għal fuq il-blat. Din is-sitwazzjoni tixhed il-problema globali tal-iskart li qed iniġġes l-ibħra tagħna.
Dawk li pparteċipaw f’din l-attività ta’ tindif tal-bajja kellhom biċċa xogħol iebsa anke għall-fatt li ż-żona hi pjuttost imwarrba u wieħed irid jasal għaliha billi jimxi f’żoni mimlija blat u ġebel. L-iskart li nġabar imbagħad ġie sseparat fuq il-post biex b’hekk dak kollu possibbli jkun jista’ jerġa’ jintuża jew riċiklat u b’hekk jonqos l-iskart li jintrema’ fil-miżbla.
L-inizjattiva ta’ tindif minn Betclic Group hi biss parti minn sensiela ta’ inizjattivi mifruxa u li l-kumpanija qed timplimenta f’Malta. Fost oħrajn, il-kumpanija eliminat tazez, pużati kif ukoll oġġetti oħra magħmula minn plastik li jintuża darba fil-kċejjen disponibbli għall-impjegati tagħha. Dawn inbidlu b’alternattivi li jistgħu jintużaw fit-tul u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.



