Edukazzjoni Lokali

Tkompli d-diskriminazzjoni ma’ studenti li baqgħu bla trasport

Minkejja li ninsabu lejn l-aħħar ġimgħat tas-sena skolastika, l-wegħda ta’ trasport b’xejn għal kulħadd fil-konfront tal-istudenti kollha baqgħet ma twettqitx. Mill-inqas 170 tifel u tifla qegħdin jiġu diskriminati minn naħa tal-Gvern għaliex dawn mhumiex qed jiġu offruti trasport b’xejn mill-awtoritajiet.

Sadanittant kien hemm ġenituri li jippretendu bi dritt li huma jiġu kumpensati mill-Gvern talli mhumiex jibbenifkaw mill-iskema li tant il-Gvern ftaħar biha meta ġiet introdotta. Il-Gvern kien wiegħed li mill-bidu ta’ din is-sena skolastika, li tmur lura sa Settembru 2018, il-ġenituri ta’ tfal li jattendu li skejjel ta’ l-istat, tal-knisja u dawk privati u indipendenti se jkollhom aċċess għal trasport b’xejn.

Minkejja dan kollu, bħal f’diversi oqsma oħra, li studenti li jaqbżu l-170 intefgħu fi-kju. L-iskuża tal-Gvern hija li ma sabx biżejjed vetturi biex ilaħħaq mad-domanda, konferma wkoll li meta sar il-pjan dwar it-trasport tal-iskola, kien pjan fażżul u mingħajr ebda ideat dwar kif tista’ tiġi solvuta din il-problema.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, kien rappurtat ukoll li qal li xi forma ta’ kumpens mhux qed tiġi kunsidrata f’dan l-istadju. Minn naħa tagħhom fuq kumment bħal dan ħafna ġenituri qal li din hija diskriminazzjoni, fejn filwaqt li ħaddieħor iffranka mijiet ta’ ewro, huma kellhom joħorġu l-flus mill-but biex iwasslu t-tfal lejn l-iskola li jattendu.

Huma qegħdin jgħidu li dan ma kienx it-tort tagħhom u li qalu wkoll li dan kollu jixhed in-nuqqas ta’ pjannar minn naħa tal-Gvern. Minn naħa tiegħu l-Ministeru reġa’ tefa’ t-tort fuq il-ġenituri, kif għamel fix-xhur preċedenti, fejn qal li dawn għandhom jaħsbu minn qabel meta jibbukkjaw it-trasport.

Il-Gvern qed jerġa’ jikkontendi li kien hemm ħafna li applikaw fl-aħħar minuta għat-traport u għalhekk inħolqot il-problema. Madankollu jekk il-problema kienet l-għadd ta’ vetturi, applikaw x’ħin applikaw il-ġenituri, xorta kien se jkun hemm numru li se jibqa’ bla trasport.