Il-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 26 plejer bi preparazzjoni għaż-żewġ impenji mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew kontra l-Iżvezja u r-Rumanija x-xahar id-dieħel. Malta tilgħab kontra fl-Iżvezja fis-7 ta’ Ġunju qabel konfront f’pajjiżna kontra r-Rumanija tlett ijiem wara.
It-tim Malti sa issa lagħab żewġ logħbiet f’dan il-grupp. F’Marzu li għadda waslet rebħa ta’ 2-1 kontra l-Gżejjer Faroe u qabel telfa ta’ 2-0 kontra Spanja f’żewġ logħbiet li ntlagħbu fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. L-Iżvezja kisbet erba’ punti mill-ewwel żewġ logħbiet b’rebħa ta’ 2-1 fuq ir-Rumanija u draw ta’ 3-3 kontra n-Norveġja. Ir-Rumanija pattiet għat-telfa kontra l-Iżvediżi, b’rebħa ta’ 4-1 kontra l-Gżejjer Faroe.
“Kellna bidu pożittiv fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew imma rridu nkomplu nimxu ‘l quddiem. Għandna żewġ logħbiet vera diffiċli ġejjin, nibdew barra minn darna kontra l-Iżvezja u wara r-Rumanija f’darna. It-tnejn huma timijiet b’saħħithom li għandhom tamiet kbar li jisfidaw għall-kwalifikazzjoni. Irridu nippreparaw l-aħjar li nistgħu għal dawn l-impenji,” qal il-kowċ nazzjonali Ray Farrugia f’kumment lis-sit uffiċjali tal-MFA.
L-iskwadra għandha l-istess bażi taż-żewġ logħbiet ta’ Marzu, bil-midfielder ta’ Ħamrun Spartans Triston Caruana u ż-żagħżugħ ta’ Mosta Dexter Xuereb huma ż-żewġ plejers li ssejħu ġodda fl-iskwadra. Għal Xuereb din hi l-ewwel sejħa mat-tim nazzjonali. Id-difensur ta’ Victoria Hotspurs Ferdinando Apap, il-midfielder ta’ Sliema Wanderers Ryan Fenech u l-winger ta’ Crawley Town Luke Gambin u l-attakkant ta’ Balzan Alfred Effiong jinsabu lura fl-iskwadra.
Neqsin mill-iskwadra hemm id-difensur ta’ Ħamrun Spartans Karl Micallef, il-midfielder ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier u l-attakkant ta’ Hibernians Jurgen Degabriele u ta’ Sliema Wanderers Jean Paul Farrugia li jinsabu mweġġgħin.
Skwadra proviżorja
Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta), Justin Haber (Gżira United), Andrew Hogg (Birkirkara)
Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs), Steve Borg (Valletta), Jonathan Caruana (Valletta), Joseph Mbong (Hibernians), Zach Muscat (Olhanense), Dexter Xuereb (Mosta), Joseph Zerafa (Valletta)
Midfielders: Triston Caruana (Ħamrun Spartans), Juan Corbalan (Gżira United), Paul Fenech (Balzan), Ryan Fenech (Sliema Wanderers), Luke Gambin (Crawley Town), Jake Grech (Hibernians), Bjorn Kristensen (Hibernians), John Mintoff (Sliema Wanderers), Rowen Muscat (Valletta), Dunstan Vella (Hibernians)
Attakkanti: Alfred Effiong (Balzan), Leighton Grech (Senglea Athletic), Michael Mifsud (Birkirkara), Luke Montebello (Birkirkara), Kyrian Nwoko (Valletta)
//= $special ?>