Sport Sport Ieħor

Demare jirbaħ l-għaxar stadju iżda Conti jibqa’ fil-quċċata tal-klassifika ġenerali tal-Giro d’Italia

(Ritratt: EPA)

Il-Franċiż Arnaud Demare kiseb l-ewwel rebħa tiegħu din is-sena meta rebaħ l-10 stadju tal-Giro d’Italia li sar minn Ravenna għal Modena. Demare kkontrolla l-pressjoni tat-Taljan Elia Viviani u l-Ġermaniż Rudiger Selig wara sprint qasira minħabba ħabta li nvolviet diversi ċiklisti fosthom Pascal Ackermann.

Bi ftit ċiklisti b’ċans li jirbħu l-istadju, Demare attakka minn fuq ix-xellug filwaqt li r-rebbieħ tat-tmien stadju Caleb Ewan prova minn fuq il-lemin. Viviani prova jgħaddi min-nofs iżda Demare kellu s-saħħa biex joħroġ rebbieħ. Ackermann eventwalment qabeż il-linja ftit minuti wara mdawwar minn sħabu iżda minħabba li l-ħabta seħħet fl-aħħar tliet kilometri ma tilifx ħin.

Valerio Conti baqa’fil-quċċata tal-klassifika minuta u 50 sekonda fuq is-Sloven Primoz Roglic. Il-11-il tappa ssir għada minn Carpi sa Novi Ligure b’distanza ta’ 220 kilometru.

Kif spiċċaw l-għaxar stadju:1. Arnaud Demere 3:36.07, 2. Elia Viviani, 3. Rudiger Selig, 4. Caleb Ewans, 5. Giacomo Nizzolo

Klassifika ġenerali:1. Valerio Conti 39:44.39, 2. Primoz Roglic +1.50, 3. Nans Peters +2.21, 4. Jose Joaquin Rojas +2.33, 5. Fausto Masnada +2.36