Lokali

Erbat ijiem qabel l-elezzjoni…jerġa’ jżeffen il-wegħda tat-trakka

Kif issa hija drawwa assoċjata ma’ kull kampanja ta’ Joseph Muscat, illum il-Prim Ministru reġa’ wiegħed it-trakka lid-dilettanti tal-motorsport – l-istess kif għamel qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Meta kien qed jitkellem fiż-Żejtun, Muscat qal li jrid jinvesti “total ta’ €30 miljun f’kull sport; mill-futbol sat-trakka.” Għalkemm nies involuti fil-qasam sportiv esprimew dubji dwar kemm jistgħu jsiru faċilitajiet bi €30 miljun – mossa li ħafna qed jarawha bħala “strateġija tal-aħħar minuta” minħabba li Muscat jinsab dahru mal-ħajt.

Ta’ min wieħed jinnota li siegħa wara kien diġà nesiha kompletament hekk kif waqt attività fil-Mellieħa Joseph Muscat falla milli jsemmi din il-wegħda. Mera ċara ta’ wegħda oħra fl-arja.

Il-Prim Ministru uża din il-mossa li jħabbar proġett kbir anke qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli fl-2015. Dakinhar kien poġġa’ l-ewwel ġebla tal-Metropolis fil-Gżira; proġett fantażma li baqa’ ħofra.

Ftit tal-ġranet ilu l-Oppożizzjoni ressqet 32 proposta lill-Gvern għall-istrateġija tal-qasam sportiv. Iżda lbieraħ il-Gvern preżenta politika nazzjonali tal-isport u ddeċieda li jħalli barra lill-Oppożizzjoni.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport Ryan Callus qal li dan mhux il-mod kif għandna nimxu f’dawn il-qasam għaliex kif dejjem saħaq, fl-isport m’għandniex indaħħlu mossi partiġġjani.