Ftit jiem biss ‘il bogħod mill-elezzjoni tal-Kunsill Lokali, fil-Qala, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, li hu wkoll eks Sindku, qed jintervjeni bis-saħħa biex jiġu eletti t-tliet Kandidati li jappoġġjaw lilu (ritratt). Qed jispikkaw l-attivitajiet tal-massa, li wħud mill-Kandidati qed jorganizzaw saħansitra t-tqassim ta’ siġar biex jinfluwenzaw il-vot tar-residenti Qalin.
Il-Ġimgħa li għadda kompla jinkixef dan l-indħil, hekk kif matul il-jum, ġew armati tliet tined fil-Pjazza tal-Qala, li taħthom l-ghada filgħodu Clint Camilleri indirizza lill-media biex iħabbar li l-Gvern beda jqassam siġar tat-tin.
L-istess tined ġew użati mill-Kandidat Laburista Joseph Buttigieg għall-attivita politika bħala parti mill-kampanja tiegħu. Buttigieg jieħu ħsieb il-Customer Care tas-Segretarjat ta’ Clint Camilleri. Madankollu, mhux magħruf min ħallas għat-tined armati: jekk hux il-Gvern jew il-Kandidat innifsu.
Il-Ġimgħa wkoll, fi Triq l-Indipendenza, spikka trakk bi pjanċi tal-Gvern, li ħatt numru ta’ siġar tat-tin f’garaxx propjetà tal-istess Kandidat Laburista. Matul il-jum tas-Sibt, dawk li riedu siġra minn dawn intalbu jmorru fil-propjetà ta’ Joseph Buttigieg biex jieħdu s-siġra minn hemm. Buttigieg u qraba tiegħu kienu preżenti fil-garaxx biex imexxu l-propaganda tal-Kandidat Laburista fil-Qala.
Dan l-indħil mill-Gvern biex, minn flus il-poplu, jixtru l-vot tal-Qalin b’sigar tat-tin ikompli juri kif qed jiġu aġevolati t-tliet Kandidati Laburisti biss li huma canvassers ta’ Clint Camilleri. Tant hu hekk, li anke s-Sindku preżenti qed jingħata l-ġenb minn sħabu stess li qed jikkontestaw miegħu għal din l-elezzjoni.
Minbarra Joseph Buttigieg, iż-żewġ Kandidati Laburisti l-oħra huma Ivan Cefai u Jesmond Borg, li qed jorganizzaw numru ta’ attivitajiet għall-massa. Huma hafna li qed jistaqsu minfejn qed jiġu ffinanzjati dawn l-attivitajiet.
Mhux xi sigriet mal-Qalin, li dawn il-Kandidati huma l-uniċi tlieta mit-tmien Kandidati taż-żewġ partiti fil-Qala li kemm-il darba tkellmu ma’ residenti li huma favur il-proġett massiv ta’ Ħondoq ir-Rummien. Huma saħansitra stqarrew ma’ wħud mir-residenti li dak propost hu ‘soft development’ aċċettabbli għalihom.
Is-Sindku Laburista Paul Buttigieg, li ftit xhur ilu tkeċċa minn sħabu l-Kandidati Laburisti stess mil-Kumitat Laburista tal-Qala, stqarr ma’ diversi Qalin li minbarra l-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, hu l-uniku Kandidat Laburista li qed jopponi għall-proġett propost għall-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.
Kollox qed jindika li dawn l-attivitajiet mill-Kandidati Laburisti ġodda qed isiru biex jaljenaw lin-nies mit-telqa u l-abbandun li tħalliet fiha l-lokalità mill-Kunsill immexxi mill-maġġoranza Laburista.
Oħrajn qed jinterpretaw it-tqassim tar-rigali lir-residenti bħala mod faċli biex jagħlqu ħalq in-nies mill-ilmenti kontinwi li qed jirċievu meta qed iduru d-djar dwar diversi proġetti li kienu saru minn Kunsilli immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista fil-Qala u li tħallew mingħajr manutenzjoni.
//= $special ?>