Futbol Sport

Giroud se jibqa’ ma’ Chelsea għal staġun ieħor

L-attakkant ta’ Chelsea Olivier Giroud se jibqa’ mal-klabb Ingliż wara li ffirma kuntratt ta’ sena. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Giroud sostna l-kuntentizza tiegħu li ffirma l-kuntratt u kkonferma li ried jibqa’ mal-klabb għal sena oħra.

“Jien ħassejtni parti mit-tim mill-bidu tal-esperjenza tiegħi mal-klabb u nittama li nirbħu aktar trofej fiż-żmien li ġej,” qal Giroud. Il-kuntratt ta’ Giroud kien jintemm f’dan is-sajf u għalhekk seta’ jingħalaq ma’ liema klabb irid. Giroud rebaħ l-FA Cup ma’ Chelsea fl-istaġun li għadda.

Il-Franċiż ingħaqad ma’ Chelsea mingħand Arsenal f’Jannar tas-sena l-oħra u skorja 17-il gowl fi 62 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha. Hu spikka l-aktar fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-UEFA Europa League hekk kif skorja 10 gowls fi 13-il logħba, fil-mixja ta’ Chelsea lejn il-finali.