Lokali

Il-Gvern Soċjalista Malti ġibed fuqu kritika ħarxa wara li tappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex jiddefendi isem Malta u terġa' tikseb reputazzjoni u fama tajba

Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta hu kundanna oħra għall-Gvern Malti li tappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan ir-rapport isegwi dawk tal-GRECO, tal-Moneyval, u tal-Kummissjoni Venezja, li l-Gvern qed jinjorahom u jkompli jwebbes rasu biex ma jimplimentax ir-rakkomandazzjonijiet li qed isirulu. Il-Partit Nazzjonalista, se jkompli jaħdem biex jiddefendi lil Malta u jassigura li Malta terġa’ tikseb reputazzjoni tajba fl-istituzzjonijiet kollha Ewropej u internazzjonali.

Dan qalu l-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-MEP u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u mis-Segretarja Internazzjonali tal-PN u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight.

Carm Mifsud Bonnici qal li d-deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-Prim Ministru, fosthom li jżomm fil-karigi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi, mhux biss qed jagħmlu ħsara lill-Gvern Malti, iżda anke lir-reputazzjoni ta’ Malta. Carm Mifsud Bonnici rrefera għal dak li qal il-Kunsill tal-Ewropa dwar id-dgħufija ta’ Malta fil-kuntest Ewropew. “Aħna ma rridux li jkunu l-istituzzjonijiet Ewropej li jkollhom jintervjenu minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Malti. Aħna nistennew li l-ewwelnett, qatt ma kellna naslu sa hawn, u issa għandu jkun il-Gvern Malti li jaġixxi mill-ewwel u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru kemm mill-GRECO u mill-Kummissjoni Venezja, kif ukoll issa mill-Kunsill tal-Ewropa.

Roberta Metsola rreferiet għal dak li r-rapport qal dwar il-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia. Hi sostniet li 19-il xahar wara l-qtil tal-ġurnalista, l-imħuħ għadhom ma nqabdux u dan minkejja li xhur ilu, l-Prim Ministru kien qal li l-proċess biex jittellgħu l-Qorti kien wasal fl-aħħar. Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa jinnota diversi tħassib fl-investigazzjoni dwar il-qtil, fosthom il-promozzjoni tal-Maġistrat li oriġinarjament kellu jmexxi l-inkjesta, in-nuqqas ta’ interrogazzjoni lill-Ministru Chris Cardona, kif ukoll ‘dikjarazzjonijiet foloz’ mill-Ministru tal-Intern dwar il-progress tal-investigazzjonijiet. “Għalfejn il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma ssirx inkjesta indipendenti dwar dan il-qtil, u jekk setax jiġi evitat?” staqsiet l-MEP tal-Partit Nazzjonalista. Roberta Metsola qalet li sfortunatament, matul l-aħħar sitt snin, rajna każ wara l-ieħor fejn il-Prim Ministru għażel li jiddefendi l-ħażin, u lil min iwettaq il-ħażin, u dan b’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi. “Aħna rridu istituzzjonijiet li jaħdmu għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, mhux għall-ftit viċin il-Prim Ministru,” qalet Roberta Metsola. Hawnhekk, hi rreferiet għal dak li jgħid ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-bżonn li l-ġudikatura tkun tassew indipendenti, u li l-istituzzjonijiet ma jkunux maħtufa mill-Prim Ministru.

Roselyn Borg Knight qalet li r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa jagħmilha ċara li għandha ssir investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama Papers. Hi fakkret li fil-manifest elettorali tiegħu, l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li f’Malta tissaħħaħ id-demokrazija b’rispett sħiħ fil-prattika għas-saltna tad-dritt, b’istituzzjonijiet indipendenti u imparzjali li jassiguraw kontabilità u trasparenza. Hi sostniet li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandhom dejjem ikunu garantiti. 

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carm Mifsud Bonnici, l-MEP u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u s-Segretarja Internazzjonali tal-PN u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight kien hemm preżenti wkoll il-kandidata għall-elezzjoni lokai f’Ħal Tarxien Annabelle Marmara.