Lokali

Il-Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ iffaċċjat b’kont ta’ €100,000 mill-eks Ministru Charles Buhagiar

Kunsillieri Laburisti u Nazzjonalisti sorpriżi u maħsuda bil-kont, filwaqt li tinġibed ukoll l-attenzjoni li x-xogħlijiet ma sarux kif indikat fil-manifest tax-xogħol mistenni li jsir

Ħames xhur wara li kien inawgurat ‘Ġnien it-Tfulija’ f’Ħaż-Żebbuġ – liema xogħlijiet kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-eks Ministru Soċjalista Charles Buhagiar, il-Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ hu ffaċċjat b’kont ta’ €100,000 aktar minn dak miftiehem oriġinarjament.

Dan il-kont intbagħat lill-Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ mill-istess kumpanija tal-Perit Charles Buhagiar li filwaqt li oriġinarjament kienet qablet li x-xogħlijiet f’dan il-proġett kellhom jammontaw għal €162,000, il-Kunsill spiċċa rċieva kont ta’ mitt elf ewro aktar.

Il-Kunsillieri Laburisti u Nazzjonalisti mgħarrfa dwar dan mis-Segretarja tal-Kunsill kienu mhux biss maħsuda, imma anki xxukkjati b’dan il-kont sorprendenti u għalhekk il-Viċi Sindku Alfred Grixti imbarka fuq l-inizjattiva tal-Kunsill George Cortis li jinħatar Perit indipendenti biex jagħmel analiżi ta’ dan il-proġett u l-kont  li ntbagħat lill-Kunsill.

Il-Viċi Sindku Alfred Grixti fil-fatt ifformula Mozzjoni li kienet sekondata wkoll mill-Kunsillier Rodrick Aquilina. Din il-Mozzjoni kienet approvata unanimament u għalhekk il-Kunsill qabel li jinħatar Perit indipendenti biex jaħdem analiżi dwar ix-xogħlijiet li saru u l-kont li ntbagħat mill-kumpanija tal-Perit Charles Buhagiar.

Nifhmu li fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-kumpanija tal-eks Ministru Soċjalista bagħtet kont ġdid, din id-darba b’madwar €45,000 inqas. Sussegwentement l-istess kumpanija għamlet roħs ieħor ta’ €10,000 biex hekk attwalment minn kont ta’ €262,000, il-Kunsill għandu f’idejh kont ta’ ftit aktar minn €200,000.

Skont Kunsillieri li tkellmu magħna jirriżulta li numru ta’ xogħlijiet mitluba li jsiru f’dan il-proġett ta’ ‘Ġnien it-Tfulija’ baqgħu ma sarux, inkluż id-dawra taċ-ċint bil-bricks li ma mtlietx fil-konkos.

Oriġinarjament dan il-Ġnien kien inawgurat f’Diċembru li għadda mill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis flimkien mas-Sindku tar-raħal Sarah Agius Saliba.