Il-Kunsill tal-Ewropa kkundanna lill-Gvern Soċjalista ta’ Joseph Muscat għall-mod sfaċċat ta’ impunità fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-konsulent ta’ Kastilja Brian Tonna li ħa sensiela ta’ direct orders waqt li kien ir-rappreżentant ta’ Mossack Fonseca f’Malta – fi kliem sempliċi, rapport illi jikkundanna lill-Muscat għall-mod li bih ħalla kollox għaddej daqs li kieku xejn mhu xejn.
Fir-rapport tal-Kunsil tal-Ewropa jingħata raġun lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista immexxija minn Adrian Delia li ilu għal dawn l-aħħar snin jitlob biex issir inkjesta indipendenti dwar is-sigurta li kellu jkollha l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, li kixfet il-maġġoranza ta’ dawn l-iskandli f’Kastilja.
Ir-rapport fil-fatt li sar wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u ħares lejn l-abbandun tas-saltna tad-dritt f’Malta kemm ilu fil-Gvern Joseph Muscat. Dan ir-rapport ħammar wiċċ Joseph Muscat li naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ tnejn mill-iktar nies qrib tiegħu, Konrd Mizzi u Keith Schembri.
Skont dan ir-rapport, li l-Prim Ministru wera’ li hu dgħajjef fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna. Ir-rapport juri kif is-saltna tad-dritt f’Malta qed tittappan minn nuqqasijiet serji fis-sistemi lokali.
Dan għaliex persuni bħalhom, involuti f’sensiela ta’ skandli, spiċċaw igawdu mill-protezzjoni tal-Prim Ministru, bil-Kunsill tal-Ewropa jwissi li pajjiżna spiċċa b’sistemà ta’ governanza li falliet.
“Malta għandha bżonn riforma fundamentali u ħolistika, li fost oħrajn tinkludi wkoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jkun suġġettivvli għal checks and balances effettivi, li tiżgura l-indipendenza ġudizzjarja u t-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet oħra ġudizzjarji,” jgħid ir-rapport.
Ir-rapport jgħid mingħajr tlaqlieq li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu wisq poter ikkonċentrat f’idejh. Iwissu lill-Gvern li għandu jisma mir-rapporti ta’ Greco kif ukoll dak tal-Kummissjoni Ewropea. Isostnu li l-Gvern m’għandux jerġa jaħtar imħalfin qabel ma jkun implimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-kummissjoni Venezja li wkoll kienet tat ċanfira lill-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Il-Kunsill tal-Ewropa jwissi wkoll li d-dgħufija tas-sistemi ta’ pajjiżna huma wkoll theddida kbira għall-Ewropa kollha, għax ipoġġu vulnerabbiltà fuq il-kumplament tal-Ewropa. F’dan l-istadju ir-rapport jgħid li l-bejgħ tal-passapporti Maltin m’hu xejn għajr bejgħ tal-visa għal ġo l-Unjoni Ewropea u dan jikkostitwixxi theddida fuq is-sigurta tal-Ewropa.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsill tal-Ewropa jirrakkomanda li jekk Malta ma ssolvix in-nuqqasijiet tagħha, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jintervjenu.Fost ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru lil Malta, hemm il-bżonn ta’ investigazzjoni robusta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li min ordna l-qtil jinqabad u jitressaq għall-ġustizzja, kif ukoll investigazzjoni serja fuq l-iskandlu tal-Panama Papers. Ir-raport jinnota wkoll kif dawk li poġġew il-bomba mal-karrozza ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom ma ġewx akkużati u jekk dan ma jseħx mill-aktar fis se jkollhom jiġu rilaxxati fi żmien qasir kif titlob il-liġi.
//= $special ?>