Internazzjonali

Ir-Renju Unit: L-aħħar ċans biex jappoġġjaw il-ftehim għall-Brexit — b’opportunità għal referendum

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li d-deputati fil-House of Commons għandhom ‘ċans tal-aħħar’ biex iwasslu għall-Brexit, filwaqt li ħeġġithom biex, din id-darba, jivvutaw favur il- ‘ftehim ġdid’.

Sadanittant, May wiegħdet li għandha tagħti vot lill-Parlament għal tieni referendum dwar il-Brexit f’każ li d-deputati, f’Ġunju, jaċċettaw l-abbozz magħruf bħala l-Withdrawal Bill.

L-abbozz jinkludi garanziji għad-drittijiet tal-ħaddiema. flimkien ma’ garanziji għall-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq, flimkien ma’ ‘kompromess’ għall-qasam doganali.

Il-Withdrawal Agreement Bill qed jitqies bħala l-aħħar opportunità anki għal Theresa May għaliex f’każ li dan ma jgħaddix mill-Parlament, il-pressjoni għar-riżenja tal-Prim Ministru ssir dejjem aktar intensiva.

F’diskors li għamlet ftit ilu, f’Londra, May qalet li l-istaġnar li qed ixekkel il-Brexit qiegħed ‘jgħarraq il-kwalità tad-dibattitu politiku’ fir-Renju Unit, minbarra li qed ifixkel il-progress f’numru ta’ oqsma.

‘Il-maġġoranza tad-deputati (f’Londra) qed jgħidu li jridu jikkonkludu r-riżultat tar-referendum ( għall-Brexit) u nemmen li issa hemm ċans tal-aħħar biex dan ikun irrealizzat’, sostniet Theresa May. Hi, intant, irreferiet għall-offerta ġdida bil-għan li tinstab bażi komuni fil-Parlament u li hi l-unika mod kif il-pajjiż jista’, sa fl-aħħar, jikkonkludi l-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.