Lokali

Konferma li Ħal Farruġ huwa minsi mill-Gvern

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jikkonferma…. li Ħal Farruġ huwa minsi. Dan hekk kif fi kliemu stess huwa qal li x-xogħol tal-ġnien fil-Family Park ma sarx kif suppost, kif ukoll ix-xogħol fi Triq in-Noqor dam ħafna ma beda.

Waqt żjara li l-Prim Ministru għamel fil-hamlet ta’ Ħal Farruġ, li jagħmel parti mil-kunsill ta’ Ħal Luqa, huwa qal li l-proġett tat-tankijiet tal-fuel ma kienx jaf bihom qabel ma saru. Fl-20 ta’ Novembru 2017 l-Enemed iffirmat kuntratt mal-kumpanija Chemie-Tech biex tibni tliet tankijiet ġodda għall-ħażna tal-fuel fl-ajruport.

F’Marzu 2019, ir-residenti ta’ Ħal Farruġ qamu u sabu żewġ tankijiet quddiem id-dar tagħhom.  Wara ħafna pressjoni mir-residenti fuq il-Kunsill għaliex riedu spjegazzjoni dwar dawn it-tankijiet, is-Sindku kellu jsejjaħ laqgħa sabiex jagħti spjegazzjoni lir-residenti li anke l-kunsill ta’ Ħal Luqa ma ġiex mgħarraf b’dan il-proġett. 

Waqt din il-laqgħa li saret fil-15 ta’ Mejju fejn kienu preżenti anke l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Elaine Camilleri Schembri u Victor Caruana, ir-residenti urew it-tħassib tagħhom fuq diversi kwistjonijiet fosthom jekk l-irwejjaħ tal-gasijiet humiex ta’ detriment għas-saħħa tagħhom. Għalhekk ġie deċiż li s-Sindku jikteb ittra lill-Ministru Joe Mizzi u lir-resident Luqin sabiex jagħti iktar spegjazzjoni.

Dwar dan il-każ, id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel PQ fil-Parlament fit-8 ta’ April li għadda.

Wara dan kollu, ir-residenti ta’ Ħal Farruġ kienu qed jistennew li l-Prim Ministru jagħtihom serħan il-moħħ…. iżda kulma ngħataw kienet biss…. apoloġija.