Ċifri maħruġa mill-NSO jikkonfermaw ix-xejra kostanti, xahar wara l-ieħor, ta’ żidiet fil-prodotti bażiċi tal-ikel. Fil-fatt, l-aħħar statistika tikkonferma żieda oħra fir-rata tal-għoli tal-ħajja – l-inflazzjoni għal April 2019 żdiedet għal 1.91 fil-mija.
L-aktar ħaġa inkwetanti hi li x-xahar li għadda kien hemm żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi varji. Apparti żieda qawwija fil-prezz tal-ikel, kien hemm żidiet fi spejjes relatati mad-dar, trasport, saħħa, kura persunali, xorb kif ukoll il-prezzijiet ta’ diversi servizzi.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia ilu xhur jisma’ l-karba tal-familji dwar il-piż tal-għoli tal-ħajja u kif dan qed inaqqar mid-dħul tagħhom – b’bosta ħaddiema bi dħul pjuttost tajjeb ukoll qed isibuha diffiċli biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.
Miċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istattistika joħroġ ċar il-fatt li hemm spejjes oħra li qed jiżdiedu għall-familji, u dawn jinkludu l-ikel li jinxtara mit-take-aways, spejjes relatati ma’ mediċini kif ukoll spejjes marbuta mat-trasport, bħall-prezz tal-fuel.
Fost il-prodotti essenzjali li żdiedu fl-aħħar xhur kien hemm il-ħobż, il-yoghurt, il-ġobon, u anke l-pastizzi.
//= $special ?>