Ħamrun Spartans jinsabu f’diskussjonijiet avvanzati ħafna biex l-eks midfielder internazzjonali Taljan Manuele Blasi jsir il-kowċ ġdid tagħhom. Fil-karriera tiegħu, Blasi lagħab ma’ Roma, Juventus, Fiorentina, Napoli, Milan, Lecce, Pescara fis-Serie A. Dan minbarra esperjenzi fis-Serie B ma’ diversi klabbs oħra.
Sorsi tal-programm ta’ Net Television Replay qalu li l-klabb Ħamruniż li Blasi mistenni jasal Malta nhar il-Ħamis filgħodu. Ħamrun kienu qed ifittxu kowċ wara li Giovani Tedesco rriżenja mill-kariga l-ġimgħa l-oħra, bil-President Nunzio Antignani u d-Direttur Sportiv Gaetano Farruggio jaħdmu mill-ewwel bi preparazzjoni għall-istaġun li ġej.
HIBERNIANS – Id-difensur Isaac Ntow jista’ jħalli lil Hibernians hekk kif Replay hu nfurmat li qed jattira interess minn żewġ klabbs tal-Kampjonat Premier. Ntow għandu kuntratt mal-Pawlisti u għalhekk biex jiċċaqlaq irid jintlaħaq qbil mal-klabb tiegħu. Ntow li għandu 24 sena ngħaqad ma’ Hibernians fis-sajf li għadda u ħalla impatt pożittiv fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna.
BIRKIRKARA – L-esperjenza ta’ Thiago Brito u Marcelo de Siqueira ma’ Birkirkara ntemmet wara li ma nżammux mill-klabb Karkariż. Iż-żewġ plejers offensivi ngħaqdu ma’ Birkirkara fis-sajf li għadda iżda naqsu li jħallu l-impatt mixtieq hekk kif Brito ma kienx regolari fit-tim filwaqt li de Siqueira skorja sitt gowls fi staġun diffiċli għal Birkirkara.
//= $special ?>