Kunsilli Lokali Lokali

Aktar minn okkażjoni waħda ta’ ‘żbalji’ fi ħlasijiet lil kuntrattur partikolari

Aktar inkompetenza fil-Kunsill Laburista tal-Imsida

Fl-aħħar snin, kemm ilu li l-Partit Laburista kiseb maġġoranza fil-Kunsill Lokali tal-Imsida, ma naqsitx l-inkompetenza taħt id-diversi Sindki li mexxew dan il-Kunsill.

Fl-2016, dan il-Kunsill Lokali kien imċanfar serjament mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għad-defiċit eċċessiv li kellu, kawża ta’ maniġġjar ħażin tal-finanzi partikolarment meta l-Kunsill kien immexxi minn Clifton Grima, illum Segretarju Parlamentari, bħala Sindku. Din is-sitwazzjoni kienet wasslet biex l-impjegati tal-Kunsill kellhom jagħmlu għadd ta’ sagrifiċċji, fosthom li ma setgħux jingħataw overtime.

Barra minn hekk, il-Kunsill Laburista kien ordnat ma jidħolx għal kuntratti, ħlief dawk obbligatorji, bħat-tindif u l-knis. Dan wassal biex fil-lokalità ftit li xejn sar xogħol, bit-tmexxija tal-Kunsill tispiċċa taħli ħafna minn ħinha biex issolvi l-kriżi finanzjarja.

Issa li s-sitwazzjoni finanzjarja ġiet stabbli, instabu għadd ta’ allegati irregolaritajiet f’kontijiet li l-Kunsill ħallas lil kuntrattur partikolari fl-aħħar xhur. Fosthom hemm kont li l-irregolaritajiet dwaru kienu kkonfermati mit-tmexxija tal-Kunsill stess.

Fil-każ ikkonfermat, irriżulta ‘żball’ ta’ bejn €14,000 u €16,000 fuq kont ta’ madwar €34,000. Dan ifisser ‘żball’ ta’ madwar terz tal-prezz li ħallas il-Kunsill.

Il-fatti ħarġu fid-deher grazzi għall-intervent tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment il-Minority Leader Charles Selvaggi u l-Kunsillier Maurice Agius.

Fil-fatt, kien Charles Selvaggi li kellu suspett u beda jsegwi l-mod kif tħallsu l-kontijiet. Flimkien ma’ Maurice Agius, saret pressjoni biex il-Kunsill jibda jiddiskuti l-kontijiet suspettużi ħalli eventwalment, tibda investigazzjoni.

Din is-sitwazzjoni għall-ewwel sabet oġġezzjoni qawwija mill-Kunsilliera tal-Partit Laburista, li ma ridux li l-każ jispiċċa għand l-Awditur. Iżda l-insistenza tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ma ħallietx alternattiva oħra ħlief li l-Kunsill joħroġ ittra biex jintalab l-intervent tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

Din il-gazzetta għandha f’idejha ittra li s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Imsida bagħat lid-Diviżjoni fit-3 ta’ Mejju 2019. Fiha, hu hemeż ukoll għadd ta’ minuti minn laqgħat tal-Kunsill, filwaqt li talab għal “gwida rigward proċeduri ulterjuri” li jistgħu jkunu xierqa jittieħdu.

Kif issuspettaw il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill ammetta fl-ittra li, minn ħarsa lejn kontijiet oħra tal-istess kuntrattur, “din ma kinitx l-unika okkażjoni fejn jista’ jkun li l-Kunsill ħallas aktar minn dak li kien dovut”.

Fl-ittra ħareġ ukoll li l-Kumitat Finanzjarju fi ħdan il-Kunsill Laburista ilu ma jiltaqa’ għal madwar tliet snin. Dan il-Kumitat kien immexxi mill-Viċi Sindku Laburista Alex Sciberras u n-nuqqas ta’ laqgħat wasslu biex il-ħlasijiet kienu qed jiġu approvati direttament mill-Kunsill Lokali.

Dwar dan kollu, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista qed iwegħdu li Kunsill ġdid immexxi minnhom jaraw li fl-Imsida tirrenja l-politika nadifa fil-mod kif jingħataw it-tenders u jitħallsu l-kontijiet. Fl-istess waqt, qed iwegħdu li se jkomplu jsegwu dawn il-każijiet u jaraw li jitkompla l-proċess ta’ awditjar kif meħtieġ.