Lokali

“Daħqu bina u injorawna” – ħaddiema ssensjati mill-Astracast

Daħqu bina. Chris Cardona personali wegħdna li se naħdmu bl-istess pagi u kundizzjonijiet.  U xhur wara għadna nibku għax-xogħol.

Kienu dawn il-kliem ta’ uħud mill-ħaddiema tal- fabbrika Astracast li fil-bidu ta’ Jannar li għadda ma reġgħetx fetħet il-bibien tagħha wara x-shutdown tal-Milied. Dak li kellu jkun l-ewwel jum tax-xogħol tagħhom wara l-festi spiċċa kien wieħed li heżżilhom ħajithom hekk kif dawn il-ħaddiema spiċċaw issensjati mil-lum għall-għada.

Il-Gvern f’Jannar, permezz tal-Ministru tal-Ekonomija, ta l-assigurazzjoni tiegħu li kull ħaddiem jingħata xogħol bl-istess paga.

Imma  mhux talli dan ma seħħx, talli dawn il-ħaddiema kellhom isibu xogħlijiet min jeddhom, ħafna minnhom b’pagi ferm inqas milli kellhom u għadhom qed jistennew li jieħdu l-flus dovuti lilhom b’lura.

Kull ħaddiem għandu jieħu medja ta’ €12,000 fi flus.  Flus li mhemmx ħjiel ta’ meta se jkunu qed jeħduhom.

Il-Fabbrika Astracast, li sa ftit snin ilu kien jisimha Stainless Steel Ltd, kienet irrilokat mill-Marsa minħabba li kellha titwaqqa’ biex tinfetaħ it-triq.  Jidher li anke qabel ir-rilokazzjoni kien hemm ħjiel li l-fabbrika ma kellhiex prospetti sbieħ, imma l-ħaddiema baqgħu miżmuma fil-għama 

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif Chris Cardona wegħdehom aktar minn darba li se jaraw li jkollhom xogħol bl-istess pagi u kundizzjonijiet, bl-aħħar darba li għamel din il-wegħda tkun propju quddiem il-Każin Laburista tan-Naxxar.  Fi Frar Cardona kien qal li mhux se jistrieħ qabel jara li kull wieħed mill-ħaddiema jkollu xogħol.

L-aħħar darba li dawn il-ħaddiema ppruvaw ikellmu lil Chris Cardona, huma ingħataw appuntament fil-Ministeru, imma wara li tħallew sagħtejn jistennew fix-xemx, is-security qalilhom li l-Ministru  mhux se jkellimhom u li kien ħareġ minn bieb ieħor.