Fi żmien 3 snin il-Prim Ministru qed jgħid li se jalloka €30 miljun biex Malta jkollha l-aqwa faċilitajiet sportivi, inkluż it-trakka. Iżda li ma qalx Muscat hu, li t-trakka tal-karozzi weħidha trid issir b’investiment qawwi ta’ €98 miljun bħala minimu.
Meta kien qed jitkellem fiż-Żejtun, Muscat qal li jrid jinvesti “total ta’ €30 miljun f’kull sport; mill-futbol sat-trakka.” Għalkemm nies involuti fil-qasam sportiv esprimew dubji dwar kemm jistgħu jsiru faċilitajiet bi €30 miljun – mossa li ħafna qed jarawha bħala “strateġija tal-aħħar minuta” minħabba li Muscat jinsab dahru mal-ħajt.
Fil-fatt illum Net News tkellem ma’ diversi dilettanti involuti fix-xena tal-motorsport lokali. Dawn spjegawlna b’mod sempliċi li trakka taf tiġi tiswa’ bejn €98m u €200m biex issir. U allura ma jistgħux jifhmu kif ilbieraħ il-Prim Ministru semma’ li jrid jagħmel l-isport kollu – inkluż trakka tal-karozzi – bi €30 miljun.
“Kif tista’ tagħmel trakka bi €30 miljun? Żgur trid it-tripplu!”, qalulna dilettanti li xtaqu jibqgħu anonimi minħabba l-fatt li ma jridux jidħlu fil-logħba politika tal-Gvern.
Interessanti l-fatt li meta għamel din l-istqarrija fiż-Żejtun, Muscat ma semma’ xejn dwar l-isport tar-Rugby li ukoll tħalla mingħajr il-faċilitajiet neċessarji.