Sport Sport Ieħor

Ewan jegħleb l-isfida ta’ Ackermann u Demare fil-11-il stadju tal-Giro d’Italia

(Ritratt: EPA)

L-Awstraljan Caleb Ewan kiseb it-tieni rebħa tiegħu f’din l-edizzjoni tal-Giro d’Italia meta għeleb l-isfida ta’ Arnaud Demare u Pascal Ackermann biex rebaħ il-11-il stadju. Il-problemi tat-Taljan Elia Viviani komplew hekk kif tħalla barra mill-ewwel tlieta u kellu jikkuntenta bir-raba’ post qabel Giacomo Nizzolo. Qabel tlett ijiem fl-Alpi, ma kien hemm ebda tibdil fil-klassifika ġenerali. It-Taljan Valerio Conti ta’ UAE Team Emirates baqa’ minuta u 50 sekonda b’vantaġġ fuq il-favorit Primoz Roglic tas-Slovenja.

Ewan qabeż lil Ackermann fuq in-naħa leminija tat-triq, b’Demare jsegwi. Viviani kien kostrett li jibdel il-veloċità tiegħu wara li sab ruħu blokkat mill-avversarji. Ewan rebaħ b’vantaġġ ta’ rota u temm ġurnata oħra diżappuntanti għal Viviani li s-sena l-oħra rebaħ erba’ stadji. L-attenzjoni għada ddur lejn l-Alpi bit-12-il stadju jkun ta’ 158 kilometru minn Cuneo lejn Pinerolo. Conti mistenni jkun taħt pressjoni minn Roglic li rebaħ iż-żewġ time trials. Meta l-Giro d’Italia tkompli fil-muntanji, jistgħu jidħlu b’ċans Vincenzo Nibali u Simon Yates li sa issa jinsabu distakkati.

Kif spiċċaw il-11-il stadju:1. Caleb Ewan 5:17.26, 2. Arnaud Demare, 3. Pascal Ackermann, 4. Elia Viviani, 5. Davide Cimolai                  

Klassifika Ġenerali:1. Valerio Conti 39:44.39, 2. Primoz Roglic +1.50, 3. Nans Peters +2.21, 4. Jose Joaquin Rojas +2.33, 5. Fausto Masnada +2.36