Futbol Sport

Ferdinando Apap jirbaħ il-Plejer tas-Sena tal-GFA għat-tieni darba

Ferdinando Apap rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-GFA għat-tieni darba fil-karriera tiegħu wara l-unur li kien kiseb fl-istaġun 2013/2014. Apap temm staġun mill-aktar pożittiv hekk kif irnexxielu jagħmel id-debutt mat-tim nazzjonali Malti biex sar l-ewwel plejer minn klabb Għawdxi li ġie mgħajjat mal-iskwadra nazzjonali.

Hu kien fost il-protagonisti ta’ Victoria Hotspurs li assiguraw ir-rebħ tat-tieni kampjonat konsekuttiv kif ukoll rebaħ it-Tazza GFA u s-Super Cup. Il-finalisti l-oħra kienu Shaun Attard ta’ Nadur u l-gowlkiper ta’ Victoria Hotspurs Adrian Parnis. L-għażla saret wara proċess ta’ votazzjoni mill-ġurnalisti, Presidenti tal-klabbs u l-captains tat-timijiet.

L-attakkant Brażiljan ta’ Victoria Hotspurs Elton da Silva spiċċa l-Aqwa skorer tal-Ewwel Diviżjoni bi 30 gowl u l-Aqwa barrani tal-Ewwel Diviżjoni għat-tieni staġun konsekuttiv. Il-kowċ taċ-Champions Għawdxin Gotthard Conti rebaħ l-Aqwa Kowċ għat-tieni sena konsekuttiva.

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ta’ Kerċem Ajax Nathaniel Mercieca rebaħ l-unur tal-Aktar Żagħżugħ Promettenti. Ebube Ralph Okpokwu ta’ Sannat Lions rebaħ l-Aqwa skorer tat-Tieni Diviżjoni b’26 gowl. Marcos Peres Vega ta’ Żebbuġ Rovers rebaħ l-Aqwa barrani tat-Tieni Diviżjoni u Joseph Zammit ta’ Sannat Lions rebaħ l-Aqwa Plejer tat-Tieni Diviżjoni.

Waqt is-serata annwali tal-GFA ngħataw diversi unuri oħra f’diversi kategoriji organizzati mill-GYFA kif ukoll fil-futbol Għawdxi. Fi tmiem l-attività, il-President tal-GFA Samuel Azzopardi rringrazzja lil dawk involuti li qed jagħtu kontribut biex itejbu l-livell tal-futbol Għawdxi u saħaq dwar l-importanza biex il-futbol jibqa’ l-akbar sport fil-gżira Għawdxija.

Unuri oħra

GYFA Plejer tas-Sena U18 – Nicholas Inguanez (Nadur Y.),GYFA l-Aqwa Skorer U18 – Nathaniel Mercieca (Kerċem A.),GYFA Plejer tas-Sena U15 – Neil Mifsud (Nadur Y.),GYFA l-Aqwa Skorer U15 – Lorenzo Atzori,GYFA Kowċ tas-Sena – John Mark Vella (Oratory Y.),GYFA Plejer tas-Sena U15 – Nicholas Grech,Gozo FC U19 tan-nisa – Valentina Rapa,Membru tal-Kunsill tas-Sena – Patrick Cassar (St. Lawrence S.),Fair Play – St. Lawrence Spurs,Unuri Speċjali – Dione Lautier, Ferdinando Apap,Rikonoxximent tal-kontribut – Lawrence Mizzi, George Vella Muskat, Joe Xuereb,Kontribut fil-media – Joe Bajada, Mark Cini, Anthony Cassar, James Scicluna,Rikonoxximent għad-dedikazzjoni – Ħaddiema tal-Gozo Stadium