Futbol Sport

Giovanni Tedesco jsir kowċ ta’ Gżira United

Wara jiem ta’ stennija u spekulazzjoni, Giovanni Tedesco nħatar kowċ ta’ Gżira United b’kuntratt ta’ tliet snin. Tedesco kien irriżenja minn kowċ ta’ Ħamrun Spartans il-Ġimgħa li għadda u deher li dan il-pass kienet l-ewwel indikazzjoni li kien se jibqa’ f’pajjiżna.

Giovanni Tedesco stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa kowċis f’pajjiżna u jinsab nominat għall-unur tal-Aqwa Kowċ fl-MFA Awards. L-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna kienet fl-istaġun 2014/2015 ma’ Floriana fejn wassalhom sal-ħames post.

Fl-istaġun ta’ wara, Tedesco ngħaqad ma’ Birkirkara iżda spiċċa mill-kariga f’Diċembru tal-2015. Wara esperjenza ma’ Palermo fl-Italja, Tedesco rritorna f’pajjiżna ma’ Floriana fl-istaġun 2016/2017 fejn reġa’ wassalhom għall-ħames post u mexxa lil Floriana għar-rebħ tal-FA Trophy. Hu beda l-istaġun 2017/2018 iżda rriżenja f’Diċembru 2017, biex fil-bidu ta’ dan l-istaġun wassal lil Ħamrun Spartans sar-raba’ post fil-kampjonat.