Lokali

FILMAT: Id-deċiżjonijiet li jolqtu lill-Għawdxin għandhom jittieħdu mill-Għawdxin stess

Il-Partit Soċjalista nesa lil Għawdex u mhux qed jagħtih l-importanza li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dawk id-deċiżjonijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj il-ħajja ta’ kuljum tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin għandhom jittieħdu mill-Għawdxin stess.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li Għawdex jibda jiġi kkunsidrat bħala reġjun. Din hi d-differenza ċara bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Soċjalista Malti: il-Partit Nazzjonalista tant jemmen fl-Għawdxin li jrid itihom aktar poter, waqt li l-Partit Soċjalista Malti jqis l-Għawdxin bħala nies tat-tieni klassi u jġibilhom vapur antik u skadut.

Dan qaluh l-Kelliem għal Għawdex Chris Said u l-President tal-Kunsill Amministrattiv u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Stellini waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni ċara għal Għawdex, dik li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin f’Għawdex stess. Dan jista’ jiġi assigurat jekk fir-riforma Kostituzzjonali li għandha ssir Għawdex jibda jitqies bħala reġjun.

Huwa qal li filwaqt li l-Partit Soċjalista Malta għamel ħafna wegħdiet mal-Għawdxin, il-Partit Nazzjonalista jrid li l-Għawdxin ikollhom poteri eżekuttivi sabiex ikunu huma stess li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar Għawdex. Chris Said qal li hi tal-mistħija li wara li l-Gvern ħela sitt snin sħaħ, issa qed jgħid li se jġib vapur ta’ 32 sena li hu antik u skadut, ixjeħ mill-aktar vapur preżenti fil-flotta u li mhu se jġib l-ebda impjieg ġdid għall-Għawdxin.

Chris Said tkellem ukoll dwar id-differenzi fil-paga u kif id-differenza fil-paga medja bejn dawk li jaħdmu Malta u dawk li jaħdmu Għawdex hi ta’ €2,300. Fl-2012, din id-differenza kienet biss ta’ €300 ewro.

Huwa qal li din tikkonferma kemm għall-Gvern Soċjalista Malti, l-Għawdxin huma tat-tieni klassi, filwaqt li fl-2012, kien hemm biss 500 Għawdxi li jaħdmu mal-Gvern f’Malta, dan in-numru issa tela’ għal 1,600.

David Stellini qal li l-PN qed jinsisti li 10% tal-fondi Ewropej għandhom ikunu assigurati li jintużaw f’Għawdex, u li jkunu l-Għawdxin stess li jiddeċiedu kif jintużaw dawn il-fondi u mhux jiddeċiedu għalihom f’Kastilja.

Huwa qal li l-Gvern Soċjalista Malti jittratta lill-Għawdxin bħala nies tat-tieni klassi, u li bil-bejgħ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jirriżulta f’servizz mhux xieraq għall-Għawdxin.

David Stellini qal li l-Għawdxin jixirqilhom investiment kbir fil-qasam tas-saħħa, u mhux l-ebda interess mill-Gvern Soċjalista u li dan jikkonċerna wkoll fondi li bihom jistgħu jinħolqu l-impjiegi f’Għawdex stess u għar-rinnovar tal-infrastruttura. Huwa fakkar li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jinsab għaddej b’kawżi fil-Qorti biex it-tliet sptarijiet li l-Gvern Soċjalista ta lil Vitals jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.