Sport Sport Ieħor

Il-Boxing mistenni jżomm postu fl-Olimpjadi tas-sena d-dieħla

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ta rakkomandazzjoni biex il-boxing iżomm postu fl-Olimpjadi tas-sena d-dieħla iżda mhux taħt l-AIBA li hi l-verżjoni amateur ta’ dan l-isport. Il-KOI qal fi stqarrija li minflok se jagħmel task force biex jorganizza l-kompetizzjonijiet tal-boxing fosthom l-fażi ta’ kwalifikazzjoni li jsiru bejn Jannar u Mejju. Id-deċiżjoni ssegwi inkjesta mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali dwar il-finanzi u l-governanza tal-AIBA li ilha f’diskussjoni għal diversi snin. L-AIBA qalet li għaddiet minn programm ta’ riforma fl-aħħar sena u nofs.

“Din id-deċiżjoni ttieħdet fl-interess tal-atleti u l-isport tal-boxing. Irridu nassiguraw li l-atleti jistgħu jgħixu l-ħolma u jipparteċipaw fl-Olimpjadi ta’ Tokyo fl-2020,” qal il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach. Ir-rakkomandazzjonijiet se jinstemgħu f’sessjoni sħiħa tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali f’Lausanne f’Ġunju. Il-KOI żied li l-pożizzjoni tal-AIBA se tkun diskussa wara l-Olimpjadi.

Tags