Il-Karting Club Malta kellhom jiem impenjattivi u ta’ suċċess wara sensiela ta’ kisbiet pożittivi. Ġimgħa ilu l-kumpanija tal-assikurazzjoni Bupa ħabbret li se tagħti l-appoġġ lil Karting Club Malta, b’Adriana Zarb Adami tippreżenta għotja lill-President tal-Karting Club Malta Tonio Mizzi fil-preżenza tat-Teżorier Patrick Gauci.
Is-Sibt li għadda, l-uffiċjal Taljan Dario Anastasi ta kors ta’ taħriġ lis-sewwieqa żgħar tal-istess klabb. Ħdax-il tifel attendew għal dan il-kors impenjattiv li wassalhom biex kisbu liċenzja tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport u li biha issa jistgħu jikkompetu barra minn Malta. Il-Ħadd imbagħad ġie organizzat it-tieni rawnd tal-kampjonat nazzjonali b’25 sewwieq jikkompetu fi klassijiet differenti. Il-klassi 60 Mini ntrebħet minn Nico Borg segwit minn Kieran Galea filwaqt li Kyle Micallef u Jacob Micallef li qasmu t-tielet post.
Salvatore Toscano rebaħ klassi Rotax segwit minn Jake Agius u Neville Zammit filwaqt li Morgan Zammit u Ayrton Tonna spiċċaw l-ewwel tnejn fil-klassi Baby. Isaac Micallef rebaħ il-klassi Touch and Go segwit minn Duncan Micallef u Keith Micallef. Fil-klassi Iame, Eman Muscat, Daniel Gauci u Jake Bianco spiċċaw fl-ewwel tliet postijiet rispettivament.
L-attivitajiet seħħet fil-Badger Karting f’Ta’ Qali. L-uffiċjal Taljan Dario Anastasi mexxa t-tlielaq tal-Ħadd bl-għajnuna tal-kumitat tal-Karting Club Malta, il-ħaddiema tal-Badger Kartin u Ruben Hili bħala uffiċjal tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport.
//= $special ?>