Knisja Lokali

Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja tixtieq il-kandidati Maltin jimbottaw il-proposta tagħha

Fi stqarrija pubblika, l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) stiednet lill-kandidati Maltin li jiġu eletti fl-elezzjoni fil-25 ta’ Mejju, biex imexxu ‘l quddiem il-proposta tal-KA.

Il-proposta hija waħda li titkellem dwar il-bżonn li jkun hemm konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-tfassil tal-analiżi tal-ispejjeż (Cost & benefit analysis) ta’ proġetti li jkunu se jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Din il-proposta kienet tgħaddiet lill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru tal-2018, fejn il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, kien stqarr illi jaħseb illi dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi huma importanti f-istadji bikrija tal-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

B’hekk il-KA issa qed tħeġġeġ il-kandidati Maltin biex imexxu din il-proposta quddiem il-Parlament Ewropew ħalli f’Malta u fl-Ewropa, iċ-ċittadini jkollhom tassew sehem effettiv u f’waqtu fl-għażla tal-alternattivi li jkunu se jiġu studjati biex jintlaħqu l-oġġettivi ta’ proposta ta’ żvilupp li tkun se tiġi ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea.