Lokali

FILMAT: Il-Partit Nazzjonalista se jħares id-dritt li kull ċittadin jkun infurmat u jipproteġi l-ġurnaliżmu ta’ kwalità

Il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jkun fuq quddiem u protagonist fil-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Għalhekk li qed inressqu miżuri biex inħarsu l-valuri li fuqha hi msejsa d-demokrazija permezz ta’ aktar investiment b’fondi Ewropej fil-ġurnaliżmu ta’ kwalità, billi nsaħħu l-ġlieda kontra l-fake news, billi nħarsu s-sostenibbiltà tal-ġurnaliżmu stampat u permezz tal-protezzjoni tal-whistleblowers. Hekk qalu l-MEP u Kandidat ghall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, Is-Segretarja Internazzjonali tal-PN u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Francis Zammit Dimech qal li fil-Parlament Ewropew il-PN ħadem biex isaħħaħ il-liġi tal-whistleblowers u sabiex il-protezzjoni tkun estiża mhux biss għall-whistleblower iżda wkoll għall-ġurnalisti.

Qal li din il-liġi hija kruċjali għall-ġurnaliżmu investigattiv. Zammit Dimech żied li minħabba id-disseminazzjoni tal-fake news id-demokrazija qed tiġi distabilizzata u ipperikolata għaliex id-demokrazija hija bbażata fuq il-fatt li n-nies jagħmlu deċiżjoni infurmata.

Meta d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq informazzjoni żbaljata dan iħalli impatt negattiv. Għalhekk li MEPs tal-PN se jaħdmu sabiex isaħħu l-ġlieda kontra l-fake news b’inċentivi għall-ġurnaliżmu ta’ kwalità u jaħdmu favur mekkaniżmi ta’ fact checking – sistemi awtonomi u indipendenti li jivverifikaw il-fatti b’koperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti, xi ħaġa li għandha wkoll l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew.

Huwa qal li se jkompli jimbotta favur investiment ta’ fondi Ewropej fil-ġurnaliżmu ta’ kwalità, xi ħaġa importanti aktar minn qatt qabel minħabba pressjoni akbar ta’ social media u sabiex ikun hemm ġurnaliżmu bbażat fuq il-verità, jkun investigattiv u li jipprovdi element ta’ analiżi, komponenti kruċjali għas-soċjetà biex iċ-ċittadin ikollu l-informazzjoni li hu jrid u biex jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni veru. Huwa qal li  dwar dan tkellem ma’ Facebook biex isaħħu l-miżuri interni tagħhom.

Roselyn Borg Knight fakkret kif riċentament fuq Facebook kien hemm bosta fake news li kienu jieħdu lill-Maltin u l-Għawdxin lejn siti frodulenti. Għaldaqstant il-ġlieda kontra l-fake news kienet ukoll importanti biex inħarsu liċ-ċittadini mill-qerq. Roselyn Borg Knight qalet li l-awtoritajiet kompetenti jridu jiżviluppaw ambjent li huwa media-friendly u jipprovdu aċċess effettiv għall-informazzjoni biex tassew “iħalluhom jaħdmu”.

Hija qalet li snin ilu f’pajjiżna kienet iddaħħlet liġi għall-aċċess tal-informazzjoni biex tissaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti fost oħrajn li l-ġurnalisti japplikaw għal aċċess għal dokumenti u informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw ir-rapport tagħhom u jinfurmaw lill-pubbliku b’dak li qiegħed jiġri. Hija fakkret li madwar nofs it-talbiet kollha tal-ġurnalisti magħmula taħt dan l-att ġew miċħuda.

Dione Borg qal li l-ġurnaliżmu huwa pilastru importanti tad-demokrazija u li soċjetà mingħajr midja indipendenti jkollha element importanti nieqsa. Il-PN jemmen fid-dritt ta’ kull gurnalist li jkollu l-informazzjoni neċessarja biex ikun jista’ jagħmel l-investigazzjoni li hu jħoss li hi neċessarja. Huwa qal li din kienet xi ħaġa nieqsa fl-aħħar snin u li l-ġurnaliżmu qed jaffaċċja sfidi ta’ sostenibbiltà u li qed jonqsu l-persuni li jħarsu lejn il-ġurnaliżmu bħala karriera u dan se jħalli impatt fuq il-ġurnaliżmu.

Preżenti għal din il-konferenza tal-ahbarijiet flimkien mal-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, is-Segretarja Internazzjonali u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg kien hemm ukoll il-kandidata għall-elezzjoni lokali fil-Belt Valletta Erica Gauci u l-kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Mosta Mikhail Micallef.