Lokali

Il-Prim Ministru jiddefendi l-fatt li Scicluna ddaħħal fl-armata b’każ pendenti l-Qorti

Il-Prim Ministru deher skomdu u dar għat-tattika solita tiegħu li jsemmi l-passat

Għall-Prim Ministru Joseph Muscat m’hemm xejn ħażin li l-Forzi Armati ta’ Malta jaċċettaw fi ħdanhom suldat li jkollu każ pendenti quddiem il-Qorti.

Din kienet ir-reazzjoni xotta tal-Prim Ministru wara li l-Forzi Armati ta’ Malta t-Tnejn ikkonfermaw li Lorin Scicluna ddaħħal fl-Armata meta diġa kien qed jiġi akkużat quddiem il-Qorti, f’każ li finalment nstab ħati tiegħu u ngħata sentenza ta’ conditional discharge.

Scicluna huwa wieħed miż-żewġ żgħażagħ akkużati bil-qtil tal-immigrant Lassana Cisse, bil-kumpilazzjoni dwar dan il-każ mistennija tibda nhar il-Ġimgħa li ġej.

U l-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-ferneżija biex jiskuża t-tmexxija tal-Armata akkost ta’ kollox, saħansitra spiċċa jgiddeb lill-AFM meta saqsejnieh jaqbilx li ddaħħal fl-Armata minkejja li kien akkużat. Dan sakemm induna x’qal …u dawwar id-diskors.C

Ippressat biex jgħidilna jaqbilx jew le, il-Prim Ministru deher skomdu u dar għat-tattika solita tiegħu li jsemmi l-passat.

Aktarx li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed jirreferi għat-tkeċċija ta’ Godwin Schembri għax f’filmat privat iċċajta bi grada li l-Armata nefqet eluf ta’ ewro fuqha.

Dan Godwin Schembri, li issa l-Brigadier Jeffrey Curmi fetaħ gwerra fuqu, huwa l-istess persuna li kien intagħżel biex ikun parti mis-sigurtà tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Issa l-Armata qed takkużah li matul is-snin akkumula sensiela ta’ charges u warnings, fl-istess waqt li kien qed jiġi fdat b’diversi duties ta’ livell fosthom anke t-tmexxija tal-Gwardja tal-President u b’xogħol f’uħud mill-aktar każi serji, bħall-hijack tal-2016.