Il-FIFA abbandunat pjan biex tkabbar it-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar għal 48 tim. Il-President tal-FIFA Gianni Infantino kien ippropona li jitkabbar it-tournament iżda l-assoċjazzjoni dinjija ddeterminat li din id-deċiżjoni mhix prattika.
Il-FIFA kienet qed tesplora l-problemi loġistiċi u politiċi biex jikber it-tournament għal 48 tim li kien jirrikjedi pajjiż ieħor biex jorganizza t-Tazza tad-Dinja u jkun akkomodat dan it-tkabbir. Rapport intern tal-FIFA f’Marzu kkonkluda li l-Emirati Għarab Magħquda, il-Bahrain u l-Arabja Sawdija ma jistgħux jingħaqdu mal-Qatar sakemm ma jirranġawx il-kwistjoni ekonomiċi u ta’ trasport mal-Qatar.
Fl-istqarrija ntqal li l-FIFA u l-Qatar pruvaw jara jekk din il-bidla tkunx possibbli, fosthom li jitbaxxew ċertu rikjesti mill-FIFA. L-akbar ostaklu hu li minħabba li l-preparazzjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat, ikollu jittieħed aktar żmien u d-deċiżjoni ma tistax tittieħed qabel id-data tal-għeluq ta’ Ġunju.
B’hekk l-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja bi 48 nazzjon parteċipant se tkun dik tal-2026 li se tkun organizzata mill-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku.
//= $special ?>