Lokali

Kważi 43,000 persuna għadhom ma ġabrux il-vot

L-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew mistenni jibdew joħorġu wara t-8am.

L-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej, tal-Membri Parlamentari Ewropej u tal-Kunsilli huma l-ewwel elezzjonijiet fejn l-għadd tal-voti se jsir b’mod elettroniku.

Aktar dettalji dwar il-format tas-Sibt li ġej u l-għadda wara l-elezzjoni inghataw f’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fejn il-ġurnalisti kienu indirizzati mill-Kummissjoni Elettorali.

Dwar l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt thabbar li sal-Erbgħa waranofsinhar kien hemm 42,927 dokument tal-vot li ma nġabrux għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew filwaqt kien hemm 96,654 dokument tal-vot mhux miġbura għall-elezzjoni tal-Kunsilli. Dawn il-votanti għandhom sa nofsilejl tal-Ħamis biex jiġbru d-dokument tal-vot miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.

Fil-votazzjoni li saret nhar is-Sibt kien hemm votazzjoni qawwija; bejn id-djar tal-anzjani u dawk li se jkunu msiefra ivvutaw 6,160 għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u 6,185 għall-elezzjoni tal-Kunsill.

It-Tlieta vvutaw ukoll l-AEC’s. F’din il-votazzjoni xeħtu l-vot taghhom 3,160 persuna għall-Elezzjoni tal-MEP’s u 3,955 għall-Elezzjoni tal-Kunsilli.

Intant fl-elezzjoni li saret fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ivvutaw kważi 80% ta’ dawk eleġibbli.

Il-Ħamis se jsiru l-votazzjonijiet fl-isptarijiet Mater Dei, Monte Carmeli, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

B’kollox f’Malta u Għawdex se jkun hemm 726 post tal-votazzjoni.

Il-Kummissjoni Elettorali appellat biex meta n-nies imorru jivvutaw jiktbu n-numru tal-preferenza tagħhom fin-nofs tal-kaxxa. Dan biex ma jkunx hemm riperkussjonijiet fl-għadd tal-voti elettroniku.

Is-Sibt wara l-elezzjoni fl-10pm se jibdew jaslu l-kaxxi tal-vot fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar. Wara l-voti se jibdew jitpoġġew f’kontenituri apposta. Hemm tibda’ ssir rikonċiljazzjoni tal-voti. Dan il-proċess għandu jibqa’ għaddej sa kmieni l-Ħadd filgħodu, għalkemm sa dan il-ħin il-voti jibqgħu wiċċhom ‘l isfel.

Mis-7am tal-Ħadd jibda l-iscanning tal-voti wara li dawn ikunu ntwerew lill-aġenti tal-partiti, kif normalment isir.

Ir-riżultat uffiċjali tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew mistenni joħroġ il-Ħadd fil-11pm.Intant l-Erbgħa, l-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa d-dieħla jsir l-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali.