L-abbużi ta’ dan il-Gvern qed iwasslu biex il-Forzi Armati jispiccaw b’reputazzjoni mtappna. Hekk intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kandidati għall-Parlament Ewropew, Dione Borg u Michael Briguglio.
Dione Borg qal illi l-Forzi tal-Armata hija waħda mill-entitajiet fundamentali kemm għal-libertà kif ukoll għad-demokrazija.
Hawnhekk saret referenza għall-każ riċenti ta’ Lassana Cisse, fejn żewġ suldati qed jiġu mixlijin b’akkużi relatati mal-qtil tiegħu, u referenza għar-rapport tal-Ombudsman li jikkundanna promozzjonijiet b’indħil politiku li saru fl-Armata.
Dione Borg żied jgħid ili dan il-każ m’għandux jitfa’ dell ikrah fuq is-suldati iżda għandu jkun bozza ħamra għall-awtoritajiet, biex tiġi jevalwata s-sitwazzjoni fl-Armata
Hawnhekk qal illi hemm bżonn ta’ Kummissjoni ġdida, li indipendentament tevalwa l-metodi ta’ ingaġġ sabiex terġa’ tinkiseb fiduċja fl-Armata. Għandha ssir ukoll inkjesta trasparent li tistabbilixxi jekk dan il-qtil ta’ Cisse setax jiġi evitat, u tintrefa responsabbiltà politika kif jistħoqq.
Min-naħa tiegħu, il-PN għandu fiduċja assoluta fis-suldati, u jagħraf li jagħmlu xogħol siewi, u minflok ir-reputazzjoni mtappna li qed iġibilhom il-Gvern bl-aġir tiegħu, jistħoqqilhom appoġġ assolut.
Michael Briguglio saħaq illi l-każ ta’ Lassana Cisse ma jirriflettix il-Maltin u l-valuri tagħhom, anzi l-Maltin u l-Għawdxin huma xxukjati u dispjaċuti b’dak li sehh.
Huwa qal illi, għall-poplu Malti, is-sigurtà hija importanti u b’hekk għandna jkollna Forzi Armati b’reputazzjoni pożittiva li għandha l-fiduċja ta’ kulħadd.
Preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Pierre Farrugia, kandidat għall-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, Stanley Żammit, kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġia, u Jean Carl Agius Ciscaldi, kandidat għall-Kunsill Lokali tal-Pietà u Gwardamanġa.
//= $special ?>