Sport Sport Ieħor

Qormi u Sliema se jerġgħu jiltaqgħu kontra xulxin fil-finali tan-knock-out

(Ritratt: Andrea Curmi)

Iċ-champions lokali Qormi Daikin se jerġa’ jkollhom sfida oħra għal trofew ieħor minn Sliema Hotsticks hekk kif it-tnejn għaddew għal finali tan-knock-out. Iż-żewġ timijiet kellhom rebħa faċli fis-semifinali. Għal din il-kompetizzjoni, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey daħlet xi regoli ġodda imposti mill-FIH u l-EHF. Waħda minnhom hi li l-logħba tkun maqsuma f’erba’ taqsimiet ta’ kwarta l-wieħed, bil-ħin tal-mistrieħ ikun bejn it-tieni u t-tielet taqsima.

Fl-ewwel semifinali, Qormi Daikin għelbu lil Rabat 4-0 b’gowl f’kull taqsima. Il-gowls waslu minn Steve Portelli, doppjetta ta’ Keith Bajada u Zach Degiovanni. Edward Hughes u Nathan Galea kkontrollaw din il-logħba.

Sliema Hotsticks kellhom rebħa aktar faċli kontra White Hart bl-iskor ta’ 10-0. Huma laħqu skorjaw erba’ gowls fl-ewwel kwarta u tlieta fit-tieni taqsima. B’vantaġġ ta’ 7-0, Hotsticks skorjaw żewġ gowls oħra fit-tielet taqsima u żiedu ieħor fl-aħħar kwarta. Silas Plaehn spikka b’erba’ gowls, doppjetta kull wieħed għal Christ u Daniel Agius filwaqt li Ryan Dalli u Christian Sammut skorjaw gowl kull wieħed.

Qormi se jfittxu r-rebħ ta’ dan l-unur biex ikunu rebħu l-erba’ unuri fil-hockey lokali f’dan l-istaġun. Huma rebħu s-Super Cup b’rebħa ta’ 4-2 kontra Floriana Young Stars, għelbu lil Sliema Hotsticks 4-2 fiċ-Challenge Cup u kisbu l-kampjonat wara li għelbu wkoll lil Sliema Hotsticks 3-2. Il-finali tintlagħab l-Erbgħa 29 ta’ Mejju fis-7.30pm fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.

Tags