Sport Sport Ieħor

Rodney Gatt se jikkompeti fil-Kampjonat tad-Dinja għal sewwieqa professjonali bis-serkin

Bejn il-Ħamis u l-31 ta’ Mejju se tkun qed issir il-Kampjonat tad-Dinja għal sewwieqa professjonali bis-serkin fl-Iżvezja. Malta se tkun rappreżentata minn Rodney Gatt li s-sena l-oħra rnexxielu jsir l-ewwel sewwieq Malti li jikkwalifika għal din il-kompetizzjoni prestiġjuża wara li temm fis-sitt post fil-Kampjonat Ewropew għal sewwieqa professjonali.

Tnax-il sewwieq minn 11-il pajjiż fi tliet kontinenti, se jkunu qed jipparteċipaw f’dan il-Kampjonat li jikkonsisti f’24 tiġrija li se jsiru f’ħames koros differenti. Dawn l-24 tiġrija se jkunu kollha bit-trott iżda s-sewwieqa se jkunu qed isuqu fihom anke żwiemel kallblads.

Sentejn ilu, Noel Baldacchino kien sar l-ewwel sewwieq fl-istorja Maltija li ħa sehem f’dan il-kampjonat. Hu kien mistieden wara li sewwieq Ġermaniż kien irtira. Baldacchino kellu prestazzjoni eċċellenti fejn irnexxielu jirbaħ tiġrija u spiċċa fis-sitt post.

Is-sewwieqa parteċipanti l-oħra se jkunu ċ-champion tad-dinja renjanti lil James MacDonald, Rick Ebbinge (Olanda), Mika Forss (Finlandja), Yannick Gingras (Stati Uniti), Eirik Hoitomt (Norveġja), Todd McCarthy (Awstralja), Doug McNair (Kanada), Michael Nimczyk (Ġermanja), Franck Nivard (Franza), Ulf Ohlsson (Żvezja) u Matthew Williamson (New Zealand).

Rodney Gatt se jħalli pajjiżna għada filgħodu, bl-ewwel impenn tiegħu fil-korsa ta’ Solvalla l-Ġimgħa wara nofsinhar bi tliet tiġrijiet. Gatt se jkun akkumpanjat mill-uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u l-media tal-Malta Racing Club Lorraine Cunningham. Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit uffiċjali www.wtc.2019.se.