Futbol Sport

Tliet akkwisti importanti għal Borussia Dortmund

Borussia Dortmund għamlu tliet akkwisti importanti bl-għan li jsaħħu l-iskwadra għall-istaġun li jmiss hekk kif akkwistaw lil Thorgan Hazard, Julian Brandt u Nico Schulz. Hazard li hu ħu l-plejer ta’ Chelsea Eden Hazard, ġie akkwistat għal €28.5 miljun mingħand Borussia Mönchengladbach, filwaqt li Schulz u Brandt ġew akkwistati għal €25 miljun kull wieħed mingħand Hoffenheim u Bayer Leverkusen.

Hazard skorja 10 gowl u rreġistra 12-il assist b’Mönchengladbach jispiċċaw fil-ħames post fil-kampjonat. Il-Belġjan kien ilu ħames snin ma’ Mönchengladbach u mat-tim nazzjonali lagħab 21 logħba fejn anki kien parti mill-iskwadra Belġjana li spiċċat it-tielet fl-aħħar Tazza tad-Dinja. Hazard qal li issa hu ż-żmien opportun biex jieħu l-pass li jmiss fil-karriera tiegħu.

Brandt iffirma kuntratt ta’ ħames snin. Il-Ġermaniż ta’ 23 sena, lagħab 43 logħba ma’ Bayer Leverkusen l-istaġun li għadu kif intemm u skorja 10 gowls. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Brandt qal li waħda mir-raġunijiet li ddeċieda li għandu jingħaqad ma’ Borussia Dortmund hi minħabba li huma fallew bi ftit il-kampjonat.

Julian Brandt

Fl-istaġun li għadda, Schulz lagħab 37 logħba ma’ Hoffenheim fil-kompetizzjonijiet kollha u skorja żewġ gowls u kellu disa’ assists. Fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Hertha Berlin u Borussia Mönchengladbach fejn anki lagħab taħt it-tmexxija tal-kowċ attwali ta’ Dortmund Lucien Favre. Schulz sar ukoll id-difensur regolari fuq in-naħa xellugija tal-Ġermanja u diġà skorja darbtejn f’sitt logħbiet.

Borussia Dortmund fallew il-kampjonat wara li għamlu diversi ġimgħat fil-quċċata u spiċċaw temmew il-Bundesliga żewġ punti wara Bayern Munich.

Nico Schulz