Kunsilli Lokali Lokali

Dak li ġara dalgħodu fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid hu deplorabbli bla riżerva – il-Kandidati tal-PN għal Raħal Ġdid

Il-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għal Raħal Ġdid, Tyrone Muscat (Minority Leader u Kandidat), Ivan Bartolo (Kunsillier u Kandidat), Rita Delezio (Kandidat) u Roderick Caruana (Kandidat), irreferew fi stqarrija għas-suppost ċerimonja uffiċjali ta’ dalgħodu fejn il-Gvern għadda formalment il-pjazza ċentrali tal-lokalità lura lill-Kunsill Lokali.

Il-Kandidati tal-PN ifakkru li dalgħodu l-Kunsill Lokali aċċetta li jirċievi din il-pjazza bix-xogħol ħażin li sar fuqha, xoghħolijiet ħżiena li jammontaw għal eluf ta’ ewro. Dawn ix-xogħolijiet ħżiena ġew iddikjarati minn Perit professjonali u li kemm il-Kunsill kif ukoll il-Gvern huma konxji tagħhom.

Fil-paniku tal-elezzjonijiet li se ssiru nhar is-Sibt, dan kollu nħeba sabiex il-Gvern jidher sabiħ mar-residenti tal-lokal. L-istess Kandidati jikkundannaw ukoll l-aġir tal-Gvern Soċjalista li neħħa mill-pjazza mal-75 parkeġġ mingħajr ma sab soluzzjoni alternattiva għalihom. Dan sar għad-detriment tar-residenti nfushom, tan-negozji u ta’ dawk li jiġu għal servizzi essenzjali bħal pereżempju sabiex jinqdew mill-klinika reġjonali ta’ Raħal Ġdid.

Bi Gvern li ma jafx fejn huwa tal-Gvern u fejn huwa tal-Partit Socjalista, u b’insult għar-residenti kollha Pawlisti, din l-attività ddawret f’manifestazzjoni tal-Partit Soċjalista b’wieħed mill-kelliema li huwa Deputat tal-Gvern iħeġġeġ lin-nies fid-diskors tiegħu sabiex nhar is-Sibt li ġej jivvutaw Labour.

Din hija ċ-ċelebrazzjoni li kien hemm dalgħodu fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid, Gvern li bl-akbar arroganza juża flus il-poplu biex jagħmel propaganda lill-Partit Soċjalista. Fl-istess ħin, l-istess Gvern jixxaħħaħ mal-batut u l-marid.

Il-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista ta’ Raħal Ġdid jisħqu li l-lokalità tagħhom jixirqilha l-aħjar. Huma jafdaw fl-intelliġenza tal-Pawlisti sabiex nhar is-Sibt li ġej jivvutaw għall-ġid tar-raħal tagħhom ħalli jassiguraw li Raħal Ġdid jingħata l-aqwa u l-aħjar.