Lokali Saħħa

Direttivi għall-Fiżjoterapisti għax ta’ Steward mhux itejbulhom il-faċilitajiet

Qed jidħlu fis-seħħ għadd ta’ direttivi li l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ordnat lill-Fiżjoterapisti f’Dipartimenti differenti tas-Saħħa minħabba li baqgħet ma rċeviet l-ebda skeda ta’ titjib fis-servizz offrut minn Steward Healthcare fl-Isptar San Luqa.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li ilha tistaqsi lill-kumpanija li tmexxi dan l-isptar pubbliku biex tgħaddilha skeda ta’ titjib għas-servizz fqir li jinsab fih id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija tal-Isptar San Luqa.

L-Union qalet li dan id-Dipartiment hu importanti għax hu l-uniku li tipprovdi s-servizzi ta’ fiżjoterapija u ta’ rijabilitazzjoni lill-pazjenti ta’ Mater Dei u entitajiet oħra tas-Saħħa. L-affarijiet saħansitra marru għall-agħar kemm ilu li daħal fis-seħħ il-ftehim bejn il-Gvern u l-Privat.

L-MUMN qalet li minn dakinhar, dan id-Dipartiment aktar sar qisu xi mużew milli post ta’ servizz kif suppost. Dan anke meta, kemm ilu li ta’ Steward ħadu l-isptar pubbliku f’idejhom, baqa’ ma sar l-ebda investiment fl-Isptar Karen Grech.

Id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija joffri servizz lil madwar 75,000 pazjent fis-sena, iżda bħalissa m’għandux l-ispazju u t-tagħmir meħtieġ għall-isfidi tal-lum. Dan minħabba n-nuqqas ta’ tkabbir, kif ukoll il-faqar fl-infrastruttura preżenti, tant li meta tagħmel ix-xita, saħansitra jqattar l-ilma.

L-MUMN qalet li f’dawn iċ-ċirkostanzi, u f’laqgħat mal-impjegati, kienu ssuġġeriti għadd ta’ żoni alternattivi fejn ta’ Steward Healthcare jistgħu jpoġġu d-Dipartiment tal-Fiżjoterapija. Madankollu, dawn baqgħu ma taw l-ebda indikazzjoni li għandhom xi pjani jew skedi ta’ restawr jew tkabbir tad-Dipartiment.

L-Union qalet li f’dan l-istadju, is-servizz mar għall-agħar tant li l-pazjenti qed jingħataw is-servizzi f’nofs il-kurituri tal-Isptar San Luqa. U ladarba it-tmexxija ta’ Steward Healthcare baqgħet ma għamlet xejn dwar dan kollu, l-MUMN ħasset li ma kien fadal l-ebda għażla oħra ħlief li tordna dawn id-direttivi.

Bid-direttivi, il-Fiżjoterapisti li jaħdmu fl-Outpatients qed jintalbu ma jarawx pazjenti ġodda, filwaqt li l-pazjenti li jkunu kif għamlu intervent mediku, mhux se jkunu qed jarawhom il-Fiżjoterapisti wara ġimgħa mill-bidu tad-direttivi. Dan ma jgħoddx għal dawk li jkunu qed ibatu minn ksur, tgħid l-istqarrija.

F’direttivi oħrajn, il-Fiżjoterapisti fin-Neuro Rehab Unit se jaraw biss pazjenti ġodda, filwaqt li dawk fl-Amputee Rehab Unit mhux se jagħtu sessjonijiet ta’ eżerċizzji fiżiċi. U l-Fiżjoterapisti qed jintalbu wkoll ma jagħtux servizzi barra mid-diviżjonijiet tagħhom (OOP, Pain Clinic, Dar Kenn għal Saħħtek, STILC f’Ħal Far u Orthotics & Prosthetic Unit).