Lokali

Il-Partit Nazzjonalista bi proposti pożittivi għal kulħadd

Matul din il-kampanja, rajna Partit Nazzjonalista pożittiv kontra l-kampanja negattiva tal-Partit Laburista. Għadd ta’ proposti għal kulħadd u mhux il-politika ta’ Joseph Muscat, li kienet ibbażata biss fuqu nnifsu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervent fil-programm NET Live, fl-aħħar ġurnata tal-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.

Adrian Delia qal li tal-lejla hu t-tmiem ta’ din il-kampanja elettorali, iżda hu wkoll il-bidu ta’ kampanja akbar, li twassalna għall-elezzjoni ġenerali ta’ tliet snin oħra.

Hu tenna l-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir il-Partit tan-Nies, kif kien ftit tas-snin ilu, biex mill-ideat tiegħu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.(

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lil kulħadd biex is-Sibt li ġej imorru jivvutaw għax min ma jivvotax, se jkun qed jivvota favur il-Gvern Laburista.

Min-naħa l-oħra, vot għall-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista hu messaġġ lill-Gvern biex ibiddel id-direzzjoni. Jekk toqgħod id-dar, tkun qed tħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik.

Adrian Delia qal li vot għall-Partit Nazzjonalista hu messaġġ ukoll lill-Gvern biex ma jibqax juża’ t-taxxi tal-poplu ħalli jagħti realtà li ma teżistix … u dan kollu għax iħoss li għandu l-monopolju fil-media.

Fi tmiem l-intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja partikolarment lill-impjegati tal-Partit għax, minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi, jagħtu l-enerġija kollha biex jitwassal il-messaġġ. Fl-istess waqt, hu rringrazzja wkoll lill-voluntiera, għall-ħin li jagħtu u talli l-Partit dejjem isibhom appena jsejħilhom.