“Ħdimna u stinkjana flimkien u offrejna t-tama. Kellna kampanja intensiva u impenjattiva grazzi għall-impenn ta’ bosta nies. Ħareġ ċar li aħna partit pożittiv u propożittiv b’viżjoni.
Aħna Nazzjonalisti li niddefendu lill-pajjiżna, nappellalkom sabiex tivvutaw fl-interess ta’ pajjiżna. Għamlu kuraġġ.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt ir-rally f’għeluq il-kampanja elettorali tal-PN.
Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu żewġ elezzjonijiet importanti dawk tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali. Huwa rringrazzja lill-kandidati tal-Kunsilli Lokali u l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sehem tagħhom, tas-sagrifiċċju li għamlu u tas-sens ta’ servizz li taw lill-partit u lill-pajjiż.
Clyde Puli irringrazzja wkoll lit-tim tal-ħaddiema tal-PN u l-voluntiera li kienu hemm fis-siegħa tal-bżonn, lit-tim tal-ELCOM li assiguraw li jkunu identifikati problemi bħal li s-sistema elettronika setgħet tkun imbgħabsa u li mijiet ta’ votanti li kellhom dritt għal vot ingħataw vot wieħed biss.
Huwa qal li dan sar għaliex il-Gvern iddeċieda li jagħmel żewġ elezzjonijiet waqt li l-Kummissjoni Elettorali ma kinitx ippreparata b’mod amministrattiv. Is-Segretarju Ġenerali qal li l-PN hu imfawwar b’ħafna ideat u proposti b’2,000 proposta għal kull lokalità filwaqt li l-Partit Soċjalista ma kellu l-ebda proposta dwar l-Unjoni Ewropea.
“Il-PN hu partit pożittiv u propożittiv, li għamel kampanja bi ftit flus li tawh il-partitarji mhux mill-flus li nsterqu mill-propjetajiet tal-gvern jew li ġejjin mil-klikka tar-raba’ sular.” Clyde Puli qal li l-PN għandu manifest elettorali ċar b’ħemel ta’ proposti li ħarġu mill-ewwel ġurnata tal-kampanja. Huwa qal li matul il-kampanja l-PN tkellem dwar dak kollu li jolqot lin-nies: id-dritt tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt, dwar il-kwalità tal-ħajja, kif jista’ jkollna ekonomija aħjar b’industriji ta’ valur miżjud minflok fuq ekonomija ta’ tkabbir tal-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan, li qed iwassal għall-iffullar fl-isptarijiet u fl-skejjel u tniġġis.
Clyde Puli qal li l-PN jrid xogħol ta’ kwalità mhux cheap labour, għajnuna għan-negozji żgħar, opportunitajiet għall-You Tubers, il-bdiewa u s-sajjieda. Il-PN tkellem ukoll dwar l-anzjani u l-pensjonijiet. Kontra dak li qal il-Gvern Soċjalista mhux veru li hemnm bżonn jiżdiedu l-barranin biex ikun hemm sostenibbilità tal-pensjonijiet.
Clyde Puli qal li l-PN jrid jgħin liż-żgħażagħ biex ma jinqabdux fiċ-cheap labour, li nagħmlu użu aħjar mill-fondi Ewropej, li Malta u l-Ewropa tkun carbon neutral, li jkollna baħar nadif nieqes mill-plastik, li nsaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer, li jkollna demokrazija vera u li niġġieldu l-korruzzjoni li tħammeg ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li l-partit veru negattiv kien il-Partit Soċjalista, filwaqt li l-PN qal Flimkien għal Pajjiżna, l-Partit Soċjalista kellu l-politika ta’ ‘għajn għal għajn u sinna għal sinna’ u jiżra l-firda u fl-istess waqt jippretendi li huwa pożittiv.
Joseph Muscat ħarab id-dibattitu, ħarab il-Parlament u issa jrid jaħrab minn Malta biex imur l-Unjoni Ewropea li ma ridniex li nidħlu fiha. Clyde Puli qal li l-poplu għandu quddiem għażla ċara biex jagħżel sitt persuni kompetenti. Fakkar li l-Partit Soċjalista kien ivvota 16-il darba favur l-abort. Huwa qal li vot għall-Partit Soċjalista huwa vot għas-soċjalisti Ewropej li jridu taxxa Ewropea u jridu jdaħħlu l-abort f’pajjiżna.
//= $special ?>