Lokali

Il-PN jwiegħed investiment fir-riċerka għal medicini innovattivi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer

Il-Partit Nazzjonalista se jaħdem fuq livell Ewropew sabiex iċ-ċittadini Maltin ikollhom aċċess għal mediċini innovattivi li jiġġieldu l-kanċer. Għalhekk il-PN qed jimbotta ‘l quddiem master plan Ewropew biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer għaliex jemmen li din ġlieda li rridu niġġieldu fuq livell Ewropew.

Hekk qalu l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Francis Zammit Dimech qal li l-Unjoni Ewropa għandha rwol importanti f’dan il-qasam għaliex permezz tal-fondi Ewropej issir riċerka favur l-iżvilupp ta’ mediċini innovativi li jiġġieldu l-kanċer.

Minn mistoqsija li l-MEP Francis Zammit Dimech għamel lill-Kummissjoni Ewropea, jirrizulta li l-Ewropea wettqet investiment ta’ €2.8 biljun fir-riċerka tal-kanċer minn meta beda l-programm ta’ riċerka fl-2007. Huwa qal li l-Partit Popolari Ewropew imbotta sabiex il-programm il-ġdid għar-riċerka bl-isem Horizon Europe jkollu missjoni speċifika favur ir-riċerka tal-kanċer.

Filfatt, il-Parlament Ewropew diġà talab sabiex il-fondi tar-riċerka bejn 2021-2027 jiżdiedu minn €77 għal €120 biljun sabiex l-Ewropa tkun protagonista fuq livell globali fejn tidħol ir-riċerka. Francis Zammit Dimech qal l-PN ressaq 30 proposta sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer, u li hu determinat li jkompli jimbotta dawn il-proposti fuq livell Ewropew permezz tal-master plan Ewropew.

Francis Zammit Dimech qal li bħalissa hemm diskussjonijiet pendenti fuq regolament sabiex ikun hemm aktar koperazzjoni fuq livell Ewropew meta jiġu valutatati teknoloġiji tas-saħħa ġodda, fosthom il-mediċini innovattivi kontra l-kanċer. Din il-hidma kongunta jappoġġaw lill-Istati Membri biex jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom u jikkontribwixxu għat-titjib tal-aċċess tal-pazjenti għal teknoloġiji innovattivi tas-saħħa.

Roselyn Borg Knight qalet li dan l-investiment fir-riċerka huwa bżonnjuż għal pajjiżna għaliex skond l-istatistika tal-Eurostat, Malta tinsab it-tielet mill-aħħar fl-investiment fir-riċerka, meta qed naraw riċerkaturi Maltin jagħmlu sejbiet importanti bħalma ġara riċentament fuq mod ta’ screening inqas invażiv.

Dan juri li jekk ninvestu aktar aħna l-Maltin għandna rwol x’noffru fuq livell Ewropew. Hija qalet li l-master plan Ewropew jinkludi aspetti li jikkonċernaw ukoll ir-riċerka favur l-innovazzjoni fosthom li ninvestu b’mod qawwi fir-riċerkaturi tagħna u nsaħħu d-disseminazzjoni tar-riċerka fost ix-xjentisti, li nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn riċerkaturi Ewropej, l-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, u li filwaqt li nassiguraw protezzjoni tad-data tal-pazjenti nużaw infrastruttura diġitali avvanzata li tgħin fil-ġlieda kontra l-kanċer. 

Fil-manifest tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-PN ressaq bosta proposti konkreti favur is-saħħa fosthom aċċess għal kura affordabbli, skambju ta’ informazzjoni bejn l-istati membri biex jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-saħħa li jinkludu l-użu ta’ reġistri tal-kanċer u tad-dijabete, jkunu aġġornati policies fil-qasm tas-saħħa, jsir investiment akbar fil-qasam tar-riċerka fuq il-kanċer u investiment akbar fl-ehealth.

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u s-Segretarja Internazzjonali tal-PN u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight kien hemm preżenti wkoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali tal-Mellieħa Gabriel Micallef u l-kandidat għall-elezzjoni lokali fin-Naxxar Joseph Spiteri.