Lokali

L-aħħar ċans biex tiġbor id-dokument tal-vot

Mal-għeluq tal-kampanja elettorali, illejla f’nofsillejl, jasal fi tmiemu wkoll il-perjodu li wieħed ikun jista’ jiġbor id-Dokumenti tal-Vot għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.

Biex wieħed ikollu d-dritt jagħżel lill-Membri Parlamentari Ewropej Maltin u lill-Kunsilliera fil-lokalità tiegħu, irid jippreżenta dawn id-Dokumenti fil-post tal-votazzjoni.

Jekk għadek ma ġbarthomx, trid tmur individwalment fl-Uffiċċji temporanji tal-Kummissjoni Elettorali fl-eks Tradefair Grounds fin-Naxxar jew fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat Għawdex.

U tinsiex tieħu miegħu il-Karta tal-Identità jew tar-Residenza.

Min-nofsillejl ‘il quddiem, jibda l-perjodu ta’ riflessjoni, kif titlob il-Liġi Elettorali ta’ pajjiżna. Fil-fatt, bejn għada u s-Sibt, il-mezzi tax-xandir lokali huma mitluba ma jagħmlu l-ebda referenza għall-politika b’rabta maż-żewġ elezzjonijiet tas-Sibt.

Anke l-Partiti huma obbligati jsegwu din il-Liġi, hekk kif ma tista’ tinżamm l-ebda forma ta’ attività pubblika li tippromwovi l-kampanji rispettivi jew lil xi Kandidat. Il-Liġi tgħid li dan għandu jsir biex l-elettorat ikollu ċ-ċans jirrifletti qabel ma jivvota.

Is-Sibt, imbagħad, il-poplu se jkun qed jivvota … fil-post kif indikat fuq id-Dokument tal-Vot. Il-postijiet tal-votazzjoni f’Malta u f’Għawdex jiftħu fis-7am u jagħlqu fl-10pm.

NET Television, NET FM u netnews.com.mt se jżommukom aġġornati matul il-ġurnata kollha bl-aħħar aħbarijiet relatati mal-elezzjonijiet tas-Sibt.

Il-Ħadd isir il-proċess tal-għadd tal-voti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Programmi speċjali se jinżammu wkoll dakinhar, b’aġġornamenti miċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u r-reazzjonijiet ta’ wara li jitħabbar ir-riżultat.

Imbagħad, il-proċessi tal-għadd tal-voti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru bejn l-Erbgħa u l-Ġimgħa tal-ġimgħa d-dieħla.