Waqt il-programm Xtra, il-Membru Parlamentari Ewropea Roberta Metsola u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli nnutaw kif fl-aħħar snin membri parlamentari Ewropej stinkaw biex id-drittijiet ta’ Malta ma jintilfux.
Il-Membru Parlamentari Ewropea Roberta Metsola spjegat kif pajjiżna, minkejja li pajjiż żgħir, xorta waħda jista’ jkollu vuċi fl-Ewropa jekk il-membri eletti f’ismu jkunu kapaċi jinfluwenzaw lill-gruppi parlamentari li jappartjenu għalihom.
Innutat kif hi u l-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin irnexxielhom jagħmlu kisbiet għal pajjiżna anke meta kienu f’minoranza fi ħdan il-grupp li jappartjenu għalih.
Għall-kuntrarju, il-membri parlamentari tal-Partit Soċjalista Malti ma rnexxielhomx ibiddlu l-fehma tas-Soċjalisti Ewropej, anzi, Joseph Muscat mar f’Madrid u ffirma manifest tas-Soċjalisti li fost oħrajn jinkludi l-abort u taxxa komuni għall-pajjiżi Ewropej.
L-istess is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli li wkoll innota kif in-nuqqas ta’ influwenza tas-Soċjalisti Maltin fost sħabhom stess se twassal għal ħsara lil pajjiżna u eluf ta’ xogħlijiet.
Fl-istess waqt fakkar kif anke n-nuqqasijiet fir-rule of law ta’ Malta u b’każi ta’ korruzzjoni fost dawk l-eqreb ta’ Kastlija, qed jagħmlu ħsara fuq isem pajjiżna fuq livell Ewropew.
Għall-kuntrarju l-Partit Nazzjonalista għandu manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, imma wkoll manifest elettorali għal kull lokalità bi proposti favur ir-residenti.
//= $special ?>