Lokali

Pete Buttigieg jiltaqa’ mal-Maltin f’Astoria, NY

Jekk kellek xi dubju l-Kandidat Presidenzjali għall-White House, Pete Buttigieg, jitkellimx bil-Malti issa għandek prova.

Dan hekk kif waqt li kien qed idur fl-inħawi ta’ Astoria, fl-istat ta’ New York, waqt il-kampanja presidenzjali tiegħu ltaqa’ ma’ grupp ta’ Maltin li jgħixu f’din iz-zona. Is-Sindku ta’ South Bend, Indiana, nqabad fuq filmat jitkellem mal-President tal-Każin Malti f’Astoria, fejn saħansitra offrewlu l-passtizi.

Filwaqt li wiċċ Buttigieg deher sorpriż u fl-istess waqt xegħel malli nduna li ltaqa’ ma’ kon-patrijott Malti bħalu huwa saħaq li familtu ġejja mill-Ħamrun min-naħa ta’ missieru hekk kif kien emigra lejn l-Istati Uniti lura fis-sebgħinijiet.

Pete Buttigieg, li għandu 37 sena, b’nofs tbissima għamilha ċara li għalkemm kunjomu Buttigieg, il-President Emeritus tar-Repubblika Anton Buttigieg ma jiġi xejn minnu.

Huwa ħabbar il-kandidatura tiegħu sabiex jieħu post Donald Trump lura f’Jannar – u qed jitqies bħala kandidat li jaf ikun ta’ għadma iebsa għall-favoriti.