“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tan-nies u b’umiltà se jirrappreżenta lill-poplu kollu kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsilli Lokali b’kandidati validi li ltaqgħu man-nies fid-djar, il-postijiet tax-xogħol u fil-pjazez.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza r-rally tal-għeluq tal-kampanja elettorali tal-PN qabel l-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.
Hu fisser kif il-Partit Nazzjonalista qed imur quddiem il-poplu bħala tim wieħed magħqud biex jirrappreżenta lill-Maltin u l-Għawdxin kollha mhux bħall-Gvern Soċjalista li jrid jaħtaf il-poter. Huwa qal li l-kandidati kollha tal-PN għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali marru għand il-familji u l-ħaddiema f’kull lokalità biex jisimgħu d-diffikultajiet tagħhom.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tal-Indipendenza, tad-demokrazija, tal-Kunsilli Lokali u tal-Ewropa. Il-PN huwa l-partit tal-valuri u tal-morali li ma jistħix jitkellem dwarhom u li lest jiddefendihom mhux bħall-Gvern Soċjalista li qed joħloq a soul less state. Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jridx pjan fit-tul għaliex l-uniku pjan tiegħu kien li jgawdu l-ftit magħżula u qrib ta’ Kastilja.
Huwa qal li rapporti internazzjonali u Ewropej kkundannaw lill-Gvern Soċjalista u issa l-Kunsill tal-Ewropa jridu li ssir inkjesta fuq pajjiżna minħabba l-għemil tal-Gvern, iżda għal Joseph Muscat l-Kunsill tal-Ewropa mhix istituzzjoni serja, u dan għaliex mhix istituzzjoni li nħatfet mill-Gvern Soċjalista bħalma għamel bil-Pulizija, l-FIAU, l-MFSA, il-Qrati u l-Armata, kif ikkonferma r-rapport tal-Ombudsman dwar il-promozzjonijiet fil-Forzi Armati.
Adrian Delia qal li pajjiżna spiċċa pajjiż fejn jinqatlu l-ġurnalisti u l-persuni minħabba l-kulur tal-ġilda fejn l-armata tiddeċiedi xi jkun reat minuri li jagħmel suldat u tibqa’ ma tintrefa l-ebda responsabbilità politika.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Soċjalista ma offra l-ebda proposti konkreta u nesa bosta setturi fosthom is-settur tas-saħħa fejn Adrian Delia mar il-Qorti biex l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu, il-middle class li mhix tlaħħaq mal-ispejjeż dejjem jiżdiedu, t-tniġġis fl-arja li qed twassal biex 600 persuna jmutu minħabba l-mard respiratorju, l-bdiewa, r-raħħala, s-sajjieda u lill-Għawdex. Huwa qal li l-PN minflok ressaq bosta proposti konkreti fosthom fil-ġlieda kontra l-kanċer, id-dijabete, id-dyslexia, l-bdiewa u r-raħħala, għall-ambjent biex pajjiżna jsir carbon neutral u għal Għawdex.
Minflok il-Partit Soċjalista Malti qed jappoġġja l-manifest tas-Soċjalisti Ewropej li jridu taxxa waħda komuni fl-Ewropa b’theddida għall-impjiegi u l-investiment f’pajjiżna u jridu jimponulna l-abort. Adrian Delia qal li fil-25 ta’ Mejju l-poplu Maltin u Għawdxi għandu quddiemu l-għodda u l-għażla li jwassal messaġġ ċar lill-Gvern Soċjalista biex ibiddel l-attitudni.
//= $special ?>