Lokali

Rebħa għall-familji wara insistenza tal-Partit Nazzjonalista

L-Ombudsman laqa' t-talba tal-PN u lest jinvestiga l-kontijiet għoljin tad-dawl u l-ilma li l-famiji qed ikollhom iħallsu

Il-familji Maltin u Għawdxin għadhom qegħdin jinsterqu għad-dawl u l-ilma li jużaw meta taħt il-Gvern Soċjalista qegħdin jirċievu kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin u aktar spissi.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li din l-inġustizzja tispiċċa u tkellem għall-poplu biex l-Ombudsman lest li jinvestiga s-serq li qegħdin ibatu l-konsumaturi u li s-sistema tal-kontijiet titranġa biex il-famiji jgawdu minn kontijiet korretti u ġusti għal dak li jikkunsmaw.

Dan qaluh il-Viċi Kap tal-PN David Agius u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio u Michael Mercieca waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN. 

David Agius qal li mill-mijiet ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-familji ġabu għandu l-Partit Nazzjonalista, jirriżulta li mat-80% kienu qed iħallsu ferm aktar għad-dawl u l-ilma li jikkunsmaw u kienu qed jinsterqu bil-mod kif l-ARMS qed joħorġu l-kontijiet.

Uħud minn dawn il-familji saħansitra kienu qegħdin iħallsu minn €40 sa aktar minn €600 fuq medda ta’ sena. Huwa qal li l-ARMS stess fil-Qorti ammettiet li ppruvat tirranġa s-sitwazzjoni tal-kontijiet wara li waslulha għadd kbir ta’ lmenti mingħand il-konsumaturi.

David Agius qal li skont rapport tal-Gvern stess, li ġie rrappurtat fil-midja, l-kontijiet se jerġgħu jogħlew meta jintemmu l-ftehimiet għall-gass, bil-kontra tal-wegħda li l-Gvern Soċjalista għamel fl-2013 li jraħħashom.

Skont dan ir-rapport, li kiteb il-Gvern Soċjalista stess, il-gvern tal-leġiżlatura li jmiss se jkollu jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għaliex fl-2022 jiskadu l-ftehimiet tal-hedging fuq il-gass li hemm fis-seħħ bħalissa.

Michael Briguglio qal li l-PN ltaqa’ u kkomunika ma diversi entitajiet dwar dan is-serq li qed jgħaddu minnhom il-familji u tkellem dwar il-kontijiet għoljin u aktar spissi taħt il-Gvern Soċjalista.

Dan apparti l-prattiċi diskriminatorji bejn ir-rati residenzjali u domestiċi u l-perjodi inkonsisteni meta jinħarġu l-kontijiet. Huwa qal li ġie infurmat li l-Uffiċċju tal-Ombudsman lest li jinvestiga l-mod kif qed jinħarġu l-kontijiet u allura din hija rebha li l-Partit Nazzjonalista akwista ghal-familji Maltin u Għawdxin biex din l-inġustizzja tintemm minnufih.

Huwa qal li l-Gvern Soċjalista ma’ jistax jibqa’ jkaxkar saqajh quddiem dan is-serq sfaċċat u li dwaru  tkellmu bosta individwi, akkademiċi u għaqdiet tal-konsumatur. Ċittadini privati wkoll fetħu kawża dwar dawn il-kontijiet inġusti fl-2017 u l-Gvern Soċjalista sal-lum baqa’ m’għamel xejn. 


Michael Mercieca qal li mir-rapport tal-Awditur Ġenerali, jirriżulta li l-Enemalta xtrat l-inqas mill-interconnector meta l-prezz kien l-orħos u xtrat l-iżjed meta l-prezz kien l-ogħla, u jirriżulta wkoll li kieku fl-istess perjodu, l-Enemalta xtrat aktar mill-interconnector kienet tiffranka eluf kbar ta’ ewro.

Huwa qal li fuq l-istazzjon nazzjonali, l-Prim Ministru Joseph Muscat kien ikkonferma li l-kontijiet qed jinħarġu ħażin iżda peress li dan huwa Gvern bla pjan, il-familji qed jibqgħu ibatu sakemm sakemm tasal is-soluzzjoni.

Michael Mercieca qal li l-konsumaturi jistgħu jressqu talba lil Ombudsman biex jinvestiga dan is-serq li qegħdin ibatu l-konsumaturi. Il-PN se jibqa’ jaħdem sabiex issir ġustizzja man-nies u jrid li dan is-serq jintemm illum u jekk dan ma jsirx ikun Gvern Nazzjonalista li jwaqqaf din l-inġustizzja.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma David Agius u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio u Michael Mercieca kien hemm preżenti wkoll il-kandidata għall-elezzjoni lokali fiż-Żejtun Amanda Abela u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fis-Swieqi Mary Anne Abela.