Lokali

38,737 baqgħu ma ġabrux il-vot għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Mal-għeluq tal-kampanja elettorali, f’nofsillejl wasal fi tmiem ukoll il-perjodu li wieħed ikun jista’ jiġbor id-Dokumenti tal-Vot għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.

Fuq NET AM Angelito Sciberras qal li ċ-ċifri tad-dokumenti tal-vot tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ma nġabrux sa nofsillejl kienet ta’  38,737 minn 371,625 reġistrati 10.4%, żieda ta’ 4.1% fuq is-6.3% tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew 2014 meta kienu 21,856.

Għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ma ġabrux il-vot 92,398 minn 433,581 reġistrati jiġifieri 21.3%. Żieda ta’ 8.4% fuq it-12.9% tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ bejn l-2013-2015 meħudin flimkien li kienu 50,035.

Tul il-programm Angelito qal li lbieraħ sar test ieħor mill-ġdid tas-sistema elettorali, li kollox irriżulta fil-pożittiv.

Intant il-Kummissjoni elettorali infurmat li l-użu ta’ mobile phones, cameras, jew apparat tal-fotografija huwa projbit u li t-teħid ta’ ritratti jew filmati fil-postijiet tal-votazzjoni huwa kontra l-liġi.  Min jinqabad jieħu ritratt/video jkollu l-apparat elevat u jittieħdu passi legali kontra tiegħu.

Il-Kummissjoni wkoll infurmat min se jkun imsiefer jista’ jaqbeż il-kju. Dawn il-persuni għandhom jieħdu magħhom prova dokumentata tas-safar u juruha lill-pulizija inkarigat fiċ-ċentru tal-votazzjoni.