Dettalji xokkanti fil-bidu tal-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Lassana Cisse – iż-żewġ suldati akkuzati bid-delitt, marru Ħal Far biex jisparaw fuq il-qtates kif ġieli għamlu – qtates ma sabux, u minflok il-vittma kien Lassana Cisse u żewġ immigranti oħra.
Dan ħareġ mix-xiehda li ta l-Ispettur Keith Arnaud quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, bl-ispettur jgħid ukoll li Francesco Fenech hedded lil Lorin Scicluna li jisparalu għax ipprotesta u kellhom xi jgħidu.
Iż-żewġ suldati kemm il-darba marru Ħal Far jipprovokaw l-immigranti għall-ġlied.
Irrizulta wkoll li wara l-omiċidju, Scicluna żied xi affarijiet fil-karozza biex ma tkunx tintgħaraf.
Dak li ġara diġà
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia llum bdiet il-kumpilazzjoni ta’ Lorin Scicluna u Francesco Fenech, li fost diversi akkużi oħra jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse u tliet attentati oħra ta’ omiċidju.
Iż-żewġ suldati, ta’ 22 u 21 sena rispettivament, qed jiċħdu l-akkużi fil-konfront tagħhom.
Fil-Qorti, l-Ispettur Keith Arnaud esebixxa ritratti mill-kameras tas-sigurtà fejn Cisse jidher nieżel minn Ħal Far lejn Birżebbuġa għall-10:52pm. Spjega li l-unika karozza li tgħaddi mill-istess direzzjoni madwar żewġ minuti wara kienet Toyota Starlet. Huwa insista li dan ikkorrisponda max-xena tad-delitt.
L-Ispettur kompla jispjega li ftit minuti wara tnejn minn nies jidhru jitilgħu bil-pass lejn Ħal Far. U jgħid li kif waslu taħt din il-kamera tas-sigurtà huma t-tnejn daru f’daqqa bħal li kieku xi ħadd għajjitilhom – din probabilment kienet ir-reazzjoni għal ħsejjes tat-tir fil-ħemda tal-lejl.
Iktar dettalji matul il-ġurnata.
//= $special ?>