Futbol Sport

Andrei Agius jirbaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFA għall-ewwel darba

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Id-difensur ta’ Hibernians Andrei Agius rebaħ l-unur prestiġjuż tal-Plejer tas-Sena tal-MFA għall-ewwel darba biex inkuruna staġun mill-aqwa b’mod personali. Hu għeleb l-isfida ta’ sieħbu fit-tim ta’ Hibernians Jake Grech u l-plejers ta’ Valletta, Steve Borg, Henry Bonello u Rowen Muscat li kienu l-erba’ plejers l-oħra nominati. Minkejja li Hibernians spiċċaw l-istaġun mingħajr rebħ ta’ unur wara li tilfu d-decider tal-kampjonat kontra Valletta, Agius kien kolonna fid-difiża ta’ Hibernians li kellhom staġun pożittiv.

Agius kien l-uniku plejer li lagħab il-logħbiet u l-minuti kollha fil-kampjonat. Matul l-istaġun li għadu kif intemm, Andrei Agius skorja erba’ gowls kif ukoll żewġ gowls mat-tim nazzjonali fil-UEFA Nations League kontra l-Ażerbajġan u l-Kosovo. Fl-aħħar logħba tal-kampjonat, Andrei Agius lagħab il-140 logħba mal-klabb Pawlist. Fid-diskors tiegħu fost ir-ringrazzjamenti li għamel, semma b’mod partikolari l-President ta’ Hibernians Tony Bezzina li kien ta’ spalla għalih b’mod personali, anki f’mumenti diffiċli matul l-istaġun.

Il-kowċ ta’ Hibernians Stefano Sanderra rebaħ l-unur tal-Aqwa Kowċ tas-Sena fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna. Hu għeleb l-isfida taż-żewġ kowċis Taljani l-oħra, Giovanni Tedesco ta’ Ħamrun Spartans u Vincenzo Potenza ta’ Senglea Athletic.

Il-midfielder ta’ Valletta Miguel Alba rebaħ l-unur tal-Aqwa Plejer Barrani. L-Arġentin kien strumentali fil-fażi offensiva ta’ Valletta u rnexxielu wkoll isib ix-xibka fil-kampjonat għaxar darbiet. Hu kien l-aktar plejer li kien magħżul bħala l-Plejer tal-logħba waqt il-kampjonat. Il-finalisti l-oħra kienu Haruna Garba ta’ Gżira United u Taylon Marcolino ta’ Hibernians.

Hall of Fame

Xi ħaġa ġdida f’din l-edizzjoni kienet l-introduzzjoni tal-Hall of Fame li nqasmet fi tliet kategoriji. L-ewwel plejer li daħal f’din il-lista u li kien magħżul mill-pubbliku hu l-eks plejer ta’ Valletta Gilbert Agius. Hu lagħab 120 logħba mat-tim nazzjonali u rebaħ diversi unuri fil-karriera tiegħu ma’ Valletta kif ukoll rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFA għal tliet darbiet.

Minn Għawdex ġie magħżul Eddie Vella li kien l-ewwel Għawdxi li lagħab mat-tim nazzjonali Malti. Hu kien għamel id-debutt fil-11 ta’ Ottubru tal-1970 fi draw ta’ 1-1 kontra l-Greċja fl-Empire Stadium fil-Gżira.

L-ewwel kowċ li jidħol fil-Hall of Fame hu Victor Scerri, wieħed mill-aktar kowċis li dam fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Malti. Scerri li jagħlaq 90 sena f’Lulju li ġej, kellu wkoll karriera bħala gowlkiper.

Unuri oħra

Il-President’s Award, għall-aħħar darba mogħti mill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo ngħata lil Fr. Hilary Tagliaferro wara karriera twila fil-futbol. Tagliaferro jgawdi stima minn Darmanin Demajo għall-kontribut tiegħu fil-futbol lokali hekk kif għadu attiv bħala President tal-YFA minkejja l-età tiegħu.

L-isbaħ gowl tal-istaġun ivvutat mill-pubbliku ntrebaħ mill-attakkant ta’ Hibernians Jurgen Degabriele. Il-gowl kien skorjat fit-2 ta’ Frar kontra Floriana fil-Hibernians Stadium u kien skorja l-gowl rebbieħ b’xutt mill-ewwel wara kross fit-tul.

Għat-tieni sena konsekuttiva, Valletta rebħu l-unur tal-Aqwa Partitarji. Il-Beltin kellhom l-akbar attendenza fil-logħob tagħhom u għelbu l-isfida ta’ Hibernians u Ħamrun Spartans.

Id-Dipartiment tar-Referees permezz tad-Direttur Kevin Azzopardi taw tliet unuri. Dawn huma Clayton Pisani li rtira sena ilu wara karriera ta’ suċċess bħala referee fejn anki kkontrolla logħbiet mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League.

William Debattista ngħata wkoll rikonoxximent f’dak li kien l-aħħar staġun tiegħu bħala Assistent Referee wara 113-il logħba fil-Kampjonat Premier. L-Għawdxi George Portelli u Joe Camilleri kienu ż-żewġ persuni l-oħra li taw kontribut kbir lis-settur tar-referees u minkejja li kienu rtiraw, baqgħu jagħtu l-kontribut tagħhom.

L-unuri kollha

Plejer tas-Sena tal-MFA – Andrei Agius (Hibernians)

L-Aqwa Kowċ – Stefano Sanderra (Hibernians)

L-Aqwa Plejer Barrani – Miguel Alba (Valletta)

L-Aqwa Plejer Żagħżugħ – Matthew Guillaumier (Birkirkara)

L-Aqwa Plejer tal-Ewwel Div – Ige Adeshina (Sirens)

L-Aqwa Plejer tat-Tieni Div – Gilbert Martin (Fgura United)

L-Aqwa Plejer tat-Tielet Div – Claudio Calleja (Żurrieq)

L-Aqwa Plejer tal-GFA – Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs)

L-Aqwa Plejer tan-Nisa – (Haley Bugeja (Mġarr United)

L-Aqwa Plejer tal-Futsal – Celino Alves (Luxol)

L-Aqwa Plejer tal-Minors – Paul Mbong (Birkirkara)

L-Aqwa Plejer U19 tan-nisa – Haley Bugeja (Mġarr United)

President’s Award – Fr. Hilary Tagliaferro

Hall of Fame – Plejer (Gilbert Agius), Kowċ – (Victor Scerri), Għawdex – (Eddie Vella)

Dipartiment tar-Referees-Clayton Pisani, William Debattista, George Portelli, Joe Camilleri

L-Aqwa Gowl tal-istaġun – Jurgen Degabriele (Hibernians)

L-Aqwa Partitarji – Valletta FC

Fair Play Award – Fgura United

L-Aqwa Skorers

Kampjonat Premier – Taylon Marcolino (Hibernians) 18-il gowl

L-Ewwel Diviżjoni – Erjon Beu (Lija Athletic) 20 gowl

It-Tieni Diviżjoni – Lazar Doric (Mġarr United) 17-il gowl

It-Tielet Diviżjoni – Royter Degiorgio (Xgħajra Tornados) 17-il gowl

Futbol tan-nisa – Haley Bugeja (Mġarr United) 26 gowl