L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatri qed tinsisti li l-ġenituri u dawk in-nies li għandhom il-kustjodja tat-tfal, huma obbligati li jagħtu t-titqib neċessarju lit-tfal tagħhom, skont l-iskeda nazzjonali tat-tilqim. Dan sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa tat-tfal Maltin.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni tisħaq li għandu jkun żgurat li t-tfal ma jattendux iċ-ċentri tac-childcare, nurseries kif ukoll l-iskejjel qabel ma jkollhom prova li ngħataw it-titqib kollu meħtieġ skont l-età tagħhom.
Peress li llum il-ġurnata ħafna tfal qed jattendu iċ-childcares minn età żgħira ħafna, dawn ma jkunux laħqu ħadu t-titqib minħabba li jkunu għadhom żgħar. Dan jista’ jwassal għal iktar tixrid ta’ mard u jpoġġi lil tfal oħra kif ukoll lill-adulti f’riskju ta’ mard diżabbli u anke f’ċerti każi anke fatalità.
Ċerti mard, li jistgħu jkunu evitati permezz tat-titqib, fosthom il-ħożba, il-gattone, il-pertussis, il-Hib u l-Hepatitis B ipoġġu riskju fuq is-saħħa tat-tfal speċjalment tfal żgħar.Il-liġislazzjoni ta’ pajjiżna tispeċifika li t-tilqim kontra d-differite, it-tetnu, il-polio u r-rubella huma obblgatorji. Però ma ssemmix li t-titqib kontra l-ħożba, il-gattone, il-pertussis, il-Hib u l-Hepatitis B huma obbligatorji wkoll.
//= $special ?>
