Lokali

Jerġa’ jsuq bla liċenzja u jiġi arrestat f’Ħal Luqa

Liam Debono
Liam Debono mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin

Liam Debono reġa’ ġie arrestat fi Triq Mikelanġ Sapiano f’Ħal Luqa wara li l-Pulizija tar-RIU interċettatu jsuq karozza tat-tip Fiat Uno mingħajr liċenzja tas-sewqan.

Il-każ seħħ kmieni l-Ġimgħa filgħaxija u jidher li Liam Debono pprova jaħrab lil pulizija pajżan li kien għadu kif interċettah. Kien wara li l-Pulizija talab għall-aktar assistenza li Liam Debono ġie arrestat.

B’hekk Liam Debono kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja fil-kawża li fiha qiegħed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil tas-Surġent, Simon Schembri. Dan wara li ftit aktar minn sena ilu allegatament ipprova jtajjar lill-istess Schembri ftit metri bogħod f’Ħal Farruġ waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Liam Debono mistenni jitressaq il-Qorti akkużat bl-istes ksur, li saq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni meta l-Qorti waqfitu milli jingħata l-liċenzja biex isuq.