Huwa ċar illi f’Malta teżisti problema ta’ diskriminazzjoni.
“Din il-problema ta’ razziżmu niltaqa’ magħha mhux biss fuqi personali imma anki fuq ix-xogħol tiegħi ta’ infermiera. Anki affarijiet sempliċi, li huma affarijiet żgħar, xorta issib ir-razziżmu. Per eżempju, jidħollok pazjent u per eżempju nsejħulu Mr. X meta dan il-pazjent ikollu isem.”
Kliem l-infermiera Maltija, Maali Boukadi, li tkellmet fid-djalogu miftuħ dwar il-qtil razzjali ta’ Lassana Cisse għall-kollegi tagħha studenti Universitarji u l-pubbliku Malti, li nżammet fl-Università ta’ Malta mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà bit-tema: “Storja ta’ Mibgħeda Razzjali: Inwieġbu bil-Paċi.”
Filwaqt li appellat lill-poplu Malti u Għawdxi biex ma jiġġeneralizzawx u ma jiġġudikawx lill-barranin f’pajjiżna mid-deher, saħqet li jistħoqqilha tħossha sigura f’pajjiżha stess.
Id-djalogu kien indirizzat ukoll mill-Arċisqof Charles Scicluna li qal li l-awtoritajiet u l-liġijiet Maltin laqmu lil Lassana Cisse bħala l-irrifjutat f’għajnejn is-soċjetà:
“Our institutions, our legislation get him that label. He was rejected. We are here because at the end, he was physically eliminated. So, his story is a trajectory of rejection and elimination which we need to address.”
Huwa sellem lill-parruċċani Balzanin talli fosthom jintegraw lil dawn in-nies, f’eżempju klassiku ta’ soċjetà Maltija integrata. Anki fil-Parroċċa Karkariża ta’ San Ġużepp Ħaddiem il-barranin ingħaqdu mal-Karkariżi biex iċċelebraw flimkien Ħamis ix-Xirka permezz tal-funzjoni tal-ħasil tar-riġlejn, għaliex l-Arċisqof Scicluna qal li l-Knisja qegħda hemm għas-servizz ta’ kulħadd.
“We need to help our young people understand that people of colour who are with us are not lists but are part of us. Our community needs to be a community where we respect each other as human beings irrespective of religion, race and sex.”
Tkellimna mad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, dwar il-messaġġ li l-istess Università riedet twassal lill-istudenti universitarji permezz ta’ dan id-djalogu:
“Naħseb li l-aktar ħaġa importanti li nirrispondu għal dan il-qtil. huwa li npoġġu u nitkellmu flimkien, għalhekk dan id-djalogu. Li huwa bbażat fuq prinċipji fundamentali ħafna, li huwa l-paċi. Jekk mhux se nagħmlu hekk, is-sitwazzjoni tista’ ssir aktar traġika.”
Id-djalogu kien indirizzat ukoll minn bosta akkademiċi, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u immigranti preżenti, li lkoll esprimew ix-xokk iżda ma kinux sorpriżi li seħħ dan l-ewwel qtil razzjali f’pajjiżna għaliex intilef kull kontroll fuq ir-razziżmu u l-xenofobija f’pajjiżna, partikolarment fuq il-mezzi soċjali.
//= $special ?>