Lokali

Kirjiet ogħla għall-ħwienet jinkwetaw lill-bosta

Is-sitwazzjoni taż-żidiet fil-kirjiet qed tinkwieta lil ħafna, b’esperti fis-settur ilhom jiddeskrivu s-sitwazzjoni bħala ġungla. U jidher li s-sitwazzjoni kompliet tiggrava hekk kif issa anke l-kirijiet ta’ ħwienet li huma propjeta’ tal-Gvern għolew.

Tista’ tgħid li fl-oqsma tad-djar kollha hemm ħwienet propjeta’ tal-Gvern fejn il-bejjiegħa jħallsu l-kera lill-Gvern. Sa mis-snin sittin l’ hawn dawn il-kirijiet dejjem kienu baxxi bl-iskop li anke l-prezzijiet minn dawn il-ħwienet lill-konsumaturi jkunu raġonevoli.

Iżda permezz tal-Awtorita’ tad-Djar ftit ġimgħat ilu beda proċess sabiex l-kera togħla…f’xi kazi saħansitra bid-doppju. Hemm każijiet fejn il-kera se togħla wkoll b’aktar.

Dan mhux kollox, hemm min li l-kirja għalqitlu tliet snin ilu iżda l-bejjiegħa baqgħu ma ġewx infurmati biex dawn iġġeddu.

Issa hemm min qed jintalab iħallas €6,000 b’lura għaliex qed jingħad lilu mill-Awtorita’ tad-Djar li trid titħallas id-differenza taż-żieda fil-kera; żieda li ta’ xi wħud tmur lura sa mil-2016.

Ħafna mill-kirjiet għal kamra żgħira – bhal hwienet tal-ħaxix, grocers, tal-laħam, stationery jew banka tal-lottu – ħafna minnhom minn kera ta’ €1,800 fis-sena, l-kera telgħet għal €3,600 u hemm ċirkostanzi fejn laħqet l-€4,000. 

Minkejja li dawn jistgħu jidhru ftit meta mqabbla ma kirjiet ta’ ħwienet mikrija mill-privat, il-fatt li tkun ippjanajt ċertu dħul mill-qliegħ li tagħmel u anke hemm min impjega persuna part-time jew anke full-time miegħu, b’din iż-żieda flimkien mas-somma li trid titħallas b’lura, qed ikollhom diversi riperkussjonijiet.

Tant hu hekk li hemm min qed itella u jniżżel li b’dawn ir-rati l-ġodda, iżommx lil xi ħadd li kien daħħal miegħu.

Minn esperjenzi li ltaqa’ magħhom Net News, jidher biċ-ċar li iż-żidiet qawwija fil-kirijiet għal tal-ħwienet huma “out of reach”.Bejjiegħ tal-laħam fil-Mosta, stqarr li minn €500 kera fis-sena spiċċa b’kera ta’ €500 fix-xahar. Fil-fatt numru konsiderevoli ta’ bejjiegħa tal-ħwienet f’diversi lokalitajiet qegħdin jaħsbuha jibqgħux joperaw, minħabba l-ispejjeż li skont huma, “dejjem telgħin mas-smewwiet”….kif stqarru huma stess meta tkellmu ma’ dan l-istazzjon.